Monday, May 13, 2024

L-Agape Festival…..arti u kultura Kristjana Maltija b’enfasi fuq il-kult Pawlin

…. Messaġġ b’saħħtu ta’ inklużjoni mill-Fondazzjoni Paulus

Aqra wkoll

‘Hawn f’Nofs l-Għar Musbieħ qed Jixgħel”.  Dan hu l-Oratorju bi kliem ta’ Monsinjur Michael Bugeja u b’mużika tad-Direttur Mużikali Christopher Muscat, li se jkun qed jittella’ għall-ewwel darba fl-Agape Festival fil-Bażilika ta’ San Pawl ir-Rabat nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Frar.  L-Agape Festival, li llum m’għandu bżonn ebda introduzzjoni, hu festival ta’ arti u kultura Kristjana Maltija b’enfasi fuq il-kult Pawlin. Il-festival  ifakkar il-Konverżjoni u n-Nawfraġju ta’ San Pawl.

F’konferenza stampa li saret u li għaliha attendiet il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat,  Julia Farrugia Farrugia, ingħataw dettalji tal-festival. Dan hu festival  li  fih persuni żvantaġġjati u vulnerabbli jingħataw l-opportunità li mhux biss jipparteċipaw fil-festival imma anke ikunu protagonisti. 

Il-President tal-Fondazzjoni Paulus, Dr Mark Fenech Vella fil-konferenza elenka l-għanijiet tal-Fondazzjoni Paulus b’dan il-festival annwali tagħha fosthom dak li  tippromovi l-għarfien tal-identità Maltija fejn jirrigwardja l-patrimonju mużikali li Malta tipposjedi, fosthom billi fil-kunċert annwali jiġu esegwiti xogħolijiet ta` kompożituri Maltin, kemm tal-passat kif ukoll dawk kontemporanji.

Hu spjega li din is-sena, fl-okkażjoni tal-Għaxar Anniversarju mmt-twaqqif tal-Fondazzjoni Paulus, se jkun qiegħed jiżżanżan Oratorju miktub b’Malti mirqum minn Monsinjur Michael Buġeja u b’mużika mill-isbaħ tad-Direttur Mużikali, Christopher Muscat.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ferħet lill-Fondazzjoni Paulus għal dan il-festival. Spjegat li dan il-festival mhux biss jippromwovi l-identità Maltija  imma jgħin fl-inklużjoni ta’ persuni żvantaġġjati.  Iddikjarat li  “din hi inizjattiva li tiġbor fi ħdanha l-volontarjat u l-inklużjoni bl-aħjar mod.”

Enfasizzat li “’l-Fondazzjoni Paulus qed tibgħat messaġġ b’saħħtu fuq livell lokali u anke nazzjonali. Messaġġ b’saħħtu ta’ inklużjoni. Messaġġ li juri li l-kultura m’għandhiex tkun selettiva. Messaġġ b’saħħtu li juri li dawk żvantaġġjati igawdu mill-kultura u jingħataw iċ-ċans juru l-abbiltajiet tagħhom”.

Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus, tkellem fuq l-importanza ta’ dan il-festival, fejn ma naqasx li jirrimarka li l-kunsill lokali se jdaħħal dan il-festival fl-attivitajiet kulturali tiegħu.  Spjega li l-festival baqa’ jżid dejjem il-livell tiegħu.

L-Arċipriet tar-Rabat, Fr. Joseph Mizzi spjega kemm dawn l-attivitajiet huma importanti biex il-Maltin ikunu mgħarrfa aktar dwar il-kult Pawlin. Tenna li għadek issib nies li jgħidulek li ma jafux fejn hi l-Grotta ta’ San Pawl jew li qatt ma marru fiha. 

Il-Festival Agape jikkonsisti f’taħditiet fuq aspetti tal-kult Pawlin f’Malta, mawriet gwidati madwar siti storiċi fir-Rabat li huwa rikk f’dak li huwa patrimonju, kunċert fuq il-pjanu fil-Palazz Presidenzjali u attivitajiet kulturali oħra.  Il-Festival jilħaq il-qofol tiegħu bil-kunċert mill-Orkestra Nazzjonali.

Fost l-attivitajiet tal-Agape Festival insibu li l-Ġimgħa 26 ta’ Jannar se tingħata ħarsa lejn ix-xogħolijiet tal-pittur Francesco Zahra fl-okkażjoni tal-250 sena mill-mewt tiegħu, b’enfasi fuq ix-xogħolijiet ta` Zahra fil-Bażilika tar-Rabat u l-Mużew Wignacourt. Il-kelliem hu l-Professur Keith Sciberras.

Il-Ġimgħa 26 ta’ Jannar se ssir l-inawgurazzjoni ta’ xogħlijiet mill-pittur Rabti Paul Galea u inawgurazzjoni ta’ wirja fuq il-valur tal-ħajja.  Din se ssir fil-Mużew Wignacourt.

Se jkun hemm serata Mużiko-Letterarja Pawlina fil-kappella tas-Santwarju Grotta ta’ San Pawl bil-parteċipazzjoni ta’ solisti mill-Banda Popolari Konti Ruġġieru tas-Soċjetà San Pawl tar-Rabat u l-Banda Filarmonika Nazzjonali La Vallette tal-Belt Valletta. Dan il-kunċert jifforma parti miċ-ċelebrazzjonijiet fir-Rabat organizzati mill-Kapitlu u l-Frattellanza ta` San Pawl tar-Rabat, fejn ikun qed jitfakkar il-250 sena mill-miġja tal-vara titulari ta` San Pawl.    

It-tieni taħdita se tkun bit-tema ‘Fdalijiet Marittimi fi Knejjes Maltin iddedikati lil San Pawl” mill-Professur Timmy Gambin.

Imbagħad is-Sibt 10 ta’ Frar se ssir ġurnata ta’ attivitajiet li jfakkru l-għaxar anniversarju mit-twaqqif tal-Fondazzjoni Paulus. Se jkun hemm daqq ta’ marċi, parata, wirja ta’ vetturi klassiċi u ħruq ta’ murtali u murtaletti.  Ikun hemm ukoll parata mill-First Rabat Scout Group li tibda mill-Pjazza ta’ San Pawl.

Sport