Friday, December 27, 2024

L-Aġenzija ġdida għar-riċerka fis-settur tas-sajd u l-akwakultura taħdem fuq proġett pilota għar-ripopolazzjoni tal-ispeċi tar-rizzi

Aqra wkoll

Fil-Forti ta’ San Luċjan f’Marsaxlokk, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said żaret l-Aquatic Resources Malta, l-aġenzija ġdida li twaqqfet sabiex jiġu żviluppati proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fis-settur tas-sajd u l-akwakultura. Hija kienet akkumpanjata mis-Segretarju Permanenti Sharlo Camilleri u mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Frank Fabri.

Waqt iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari ltaqgħet mal-ħaddiema tal-Aġenzija u rat il-proġetti li qed jaħdmu fuqhom, fosthom il-proġett pilota għar-ripopolazzjoni tal-ispeċi tar-rizzi, fejn bħalissa hemm fis-seħħ moratorju fuq il-ġbir ta’ din l-ispeċi.

Is-Segretarju Parlamentari saħqet fuq l-importanza ta’ aktar riċerka fil-baħar u fuq l-irwol importanti li għandhom il-ħaddiema fi ħdan l-Aġenzija biex ikomplu bl-avvanzi fir-riċerka tal-baħar. “Għar-riċerka rridu nużaw aktar sorsi primarji bħalma huwa l-baħar li joffrilna ħafna opportunitajiet. Il-Gvern kommess li jkompli jinvesti fis-settur tar-riċerka marittima. Fil-fatt din l-Aġenzija twaqqfet għal dan il-għan biex tkompli tagħmel avvanzi ’l quddiem f’dan il-qasam tant importanti għal pajjiżna,” qalet is-Segretarju Parlamentari.

Hija faħħret ix-xogħol li qiegħed isir minn din l-Aġenzija biex ir-riċerka fis-sajd u l-akwakultura jkompli miexi ’l quddiem.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Frank Fabri ta spjegazzjoni fuq id-diversi proġetti li qed jaħdmu fuqhom. Dwar il-proġett pilota għar-ripopolazzjoni tal-ispeċi tar-rizzi huwa spjega fid-dettall il-proċess li qed isir minn stadju għal ieħor, bir-riżultati aħħarija mistennija jħallu l-frott matul is-sena li ġejja.

Ekonomija

Sport