Tuesday, December 24, 2024

L-AĠENZIJI REGOLATORJI 

Aqra wkoll

Fil-governanza moderna tad-demokraziji parlamentari, ħadu rwol ewlieni l-aġenziji regolatorji. Wara li saret dominanti l-fehma li l-ekonomija għandha titħaddem skont il-prinċipji tas-suq ħieles, kiber għarfien li għandhom jiddaħħlu mekkaniżmi li jiżguraw li dawn il-prinċipji jiġu mħaddma tajjeb mhux abbużati. 

Il-ħarsien ma setax isir mill-politiċi, għax inkella jiġi ċikku briku, l-istat jispiċċa jindaħal fit-tmexxija ekonomika. Ma setax jitħalla f’idejn is-settur privat, għax l-abbużi żgur jimmoltiplikaw tard jew kmieni. Lanqas seta’ jgħaddi għand il-ġudikatura għax din la għandha poteri eżekuttivi u lanqas għandu jkollha. B’hekk ma dawn it-tliet saffi fl-iskala tal-governanza, daħal ir-raba’ wieħed: ta’ aġenziji indipendenti li jiżguraw li l-qafas ekonomiku kif issettjat skont il-liġijiet tas-suq ħieles qed jitmexxa korrettement.

Għal ekonomija ċkejkna bħal ta’ Malta jidher li qed ikun diffiċli ħafna biex jinstabu persuni ta’ integrità, indipendenza, kompetenza u talent biex il-funzjoni regolatorja titħaddem b’konsistenza u  b’mod korrett. Jew hawn min jgħid li l-bużillis hu li s-saffi tal-politiċi u tan-negozjanti ma jridux, u ma jħallux, li dil-funzjoni tiġi eżerċitata kif suppost.

SALTNA TAD-DRITT

Fost dawk fl-Ewropa li lesti jikkritikaw lil Malta dwar nuqqasijiet fir-rispett tas-saltna tad-dritt, issib min iqajjem il-punt ta’ kif  każi ta’ abbużi minn nies prominenti fil-politika jdumu wisq biex jitilgħu l-qorti ħalli jindifnu.

  Jissorprenduni xi ftit għax fl-istess ħin, donnhom jinjoraw għal kollox każi magħrufa f’pajjiżi kbar tal-Unjoni Ewropea li jafu sew dwarhom.

Jikteb il-MEP Alfred Sant

Bħal per ezempju l-kaz tal-eks-President ta’ Franza Nicolas Sarkozy, li għall-kampanja presidenzjali tiegħu tal-2007 kien rċieva flus fil-miljuni mil-Libja ta’ Ghaddafi, att kriminali taħt il-liġi Franċiża. Il-każ tiegħu għadu għaddej.

Jew il-każ ta’ Mariano Rajoy eks-Prim Ministru ta’ Spanja li kemm dam fil-gvern u qabel, ippresieda fuq sistema fil-partit tiegħu fejn kienu jitħallsu u jitqassmu flejjes minn taħt  lil politiċi sħabu u lilu stess. Dwaru ma sar xejn.

KIF U LIL MIN TIRRIKUŻA

Segwejt bħal ħaddieħor il-kontroversja dwar maġistrat li ma rrikużatx ruħha. Imħallef tal-qorti kostituzzjonali iddekreta li din kellha tagħmel hekk minn kawża quddiemha, u neħħiha minn fuqha, għax missierha tar-rispett jaħbat l-avukat tal-eks-Prim Ministru Joseph Muscat. B’hekk, sostna, il-ġustizzja żgur tidher ukoll li tkun saret fil-każ imsemmi.

M’inix midħla tal-argumenti legali imma naħseb li m’inix waħdi li għamilt din l-osservazzjoni: Bl-istess kejl issettjat biex din il-maġistrat tirrikuża ruħha u titneħħa minn fuq il-kawża, l-imħallef involut ma messux ukoll irrikuża ruħu milli jagħti ġudizzju fuq il-każ tagħha? Jien u oħrajn niftakruh bħala attivist ħerqan u anke kandidat elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

03 ta’ Novembru 2022

Ekonomija

Sport