Thursday, April 18, 2024

L-aggressur ta’ Buffalo… deliberament wettaq l-attakk fuq persuni ta’ ġilda skura

Aqra wkoll

L-awtoritajiet Amerikani qalu li r-raġel li allegatament wettaq l-attakk b’arma tan-nar f’supermarket f’Buffalo New York, b’mod deliberat għażel li jagħmel dan f’żona fejn hemm numru ta’ abitanti ta’ ġilda skura. F’dan l-attakk xejn inqas minn 10 persuni tilfu ħajjithom. 

Is-supettat, Payton Gendron li għandu 18-il sena, saq għal xejn inqas minn 320 kilometru biex wettaq dan l-attakk, liema attakk qiegħed jiġi investigat bħala wieħed motivat razzjalment. Byron Brown, li huwa s-Sindku ta’ Buffalo, qal li l-allegat suspettat kellu l-intenzjoni li “joqtol kemm jista’ jkun persuni ta’ ġilda skura”.

Fl-aħħar sigħat sar magħruf li Gendron kien kiteb u xerred dokument ta’ 180 paġna li fih jiddeskrivi lilu nnifsu bħala faxxista u suprematista abjad. Il-mistoqsijiet li qed iqumu minn bosta huwa dwar kif dan l-individwu kien kapaċi jwettaq dan l-attakk meta jidher li diġà kien hemm tħassib dwaru. 

Fid-dawl ta’ dan, il-Gvernatur ta’ New York Kathy Hochul meta tkellmet ma’ ABC News qal li, “jien irrid inkun naf x’kienu jafu n-nies u meta saru jafu dan.” Apparti hekk, il-kap tal-Pulizija ta’ Buffalo Joseph Gramaglia qal mal-ġurnalisti li Gendron kien magħruf li għamel “theddid ġenerali” meta kien fl-iskola sekondarja. F’dak il-perjodu huwa kien ukoll wettaq ġurnata u nofs fi sptar għal evalwazzjoni mentali iżda wara kien ġie rilaxxat. Minn dakinhar ’il hawn, hu jidher li ma baqax jiġi segwit mill-awtoritajiet. Min-naħa tiegħu l-Aġent Speċjali tal-FBI Steven Belongia, meta kien intervistat minn New York Times, qal li la l-pulizija statali u lanqas l-FBI ma kellhom informazzjoni dwar Gendron. Apparti hekk, il-proprjetarju tal-ħanut tal-armi li biegħ l-arma semiawtomatika lil Gendron qal li s-sistema ma tagħtu l-ebda twissija meta fittex fuq l-istorja ta’ Gendron. 

L-Avukat Ġenerali ta’ New York Letitia James qalet li hija se tkun qiegħda tiffoka fl-investigazzjoni tagħ­ha fuq il-materjal estremista li nstab online. Fil-preżent Gendron jinsab arrestat u wieġeb mhux ħati tal-akkużi ta’ omiċidju.

Ekonomija

Sport