Thursday, March 28, 2024

L-Iżvezja u l-Finlandja jikkonfermaw li se jissieħbu fin-NATO

Aqra wkoll

L-Iżvezja u l-Finlandja kkonfermaw li se jkunu qed japplikaw għas-sħubija fin-NATO – deċiżjoni li hija waħda storika u riżultat tal-invażjoni Russa ġewwa l-Ukrajna. Ġewwa l-Iżvezja l-partit Soċjal Demokratiku, li qiegħed fil-gvern, appoġġja s-sħubija f’alleanza tas-sigurtà u b’hekk issa kollox jinsab lest biex dan il-pajjiż jitfa’ l-applikazzjoni. It-tħabbira l-Iżvezja saret eżattament wara li l-Finlandja ħabbret formalment li hija se tissieħeb fin-NATO. Min-naħa tagħha, ir-Russja tqis lin-NATO bħala theddida għas-sigurtà tagħha u għalhekk wissiet lill-Finlandja u l-Iżvezja dwar “konsegwenzi”.

L-Iżvezja baqgħet newtrali fit-Tieni Gwerra Dinjija u għal iktar minn żewġ sekli għażlet li ma tissieħeb fl-ebda alleanza militari. Min-naħa tagħha l-Finlandja – li għandha fruntiera ta’ 1,300 kilometru mar-Russja – s’issa baqgħet dejjem lura milli tissieħeb fin-NATO u  dan biex tevita l-antagoniżmu mill-ġar tagħha fil-Lvant. 

Fi stqarrija li ħarġu, is-Soċjal Demokratiċi tal-Iżvezja qalu li huma se jkunu qed jaħdmu lejn sħubija fin-NATO hekk kif din hija ħaġa li għandha l-appoġġ kemm tal-poplu kif ukoll tal-partiti tal-oppożizzjoni. Huma iżda qalu li mhux lesti li jistazzjonaw armi nukleari jew bażi tan-NATO ġewwa pajjiżhom. 

Ekonomija

Sport