Wednesday, March 27, 2024

L-akkużat jammetti ma’ sieħbu li kien qatel lil martu … jgħidlu wkoll “issa l-funeral tiegħi jmiss”

Ikompli l-każ dwar il-qtil ta’ Bernice Cassar

Aqra wkoll

Raġel akkużat bil-qtil ta’ martu lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet, kien qal lil sieħbu dakinhar li seħħ id-delitt li “issa kien imiss il-funeral tiegħu” u li “kien hu li qatilha.”

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Stephen Seychell, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni kontra l-eks kollega tax-xogħol tiegħu Roderick Cassar, li jinsab mixli bil-qtil ta’ Bernice Cassar nhar it-22 ta’ Novembru li għadda.

Seychell qal li meta Roderick Cassar tella’ post fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, li deher jimplika li kien qed jikkontempla suwiċidju, ċempillu mill-ewwel. Qal li meta staqsieh kellux bżonn ta’ xi ħaġa, l-akkużat wieġbu: “Ejja għall-funeral tiegħi. Il-funeral tiegħi imiss.”

Meta għamillu aktar mistoqsijiet, Cassar wieġbu: “Qtiltha! Qtiltha!”. Ix-xhud qal lill-Qorti li kien konfuż peress li dak il-ħin ma kienx konxju tal-qtil. “Il-mara tiegħi”, imbagħad qallu Cassar.

Fl-istess seduta, xehdu wkoll numru ta’ esperti forensiċi, li kienu inkarigati mill-maġistrat inkwerenti sabiex jelevaw informazzjoni minn fuq ix-xena tad-delitt.

Il-każ, li qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, ikompli fil-jiem li ġejjin.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angele Vella u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi Wayne Camilleri, Shawn Pawney u Paul Camilleri.

L-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Marion Camilleri qed jidhru għall-imputat. L-Avukati Stefano Filletti, Marita Pace Dimech, Ann Marie Cutajar u Rodianne Sciberras dehru parte civile.

Ekonomija

Sport