Wednesday, December 25, 2024

L-amministrazzjoni tal-Partit Laburista tiltaqa’ mat-tmexxija tal-General Workers’ Union

Aqra wkoll

Il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras flimkien ma’ membri tal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista u uffiċjali għoljin tal-General Workers’ Union iltaqgħu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ħamrun, u ddiskutew fost l-oħrajn is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika, il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, u l-proposti tal-GWU għall-Budget 2025.

Waqt il-laqgħa saret diskussjoni wkoll dwar l-impatt li joħolqu l-isfidi u l-opportunitajiet li għandu l-pajjiż fl-oqsma tal-investiment, it-tkabbir ekonomiku u x-xogħol. 

Intqal li s-suċċess ekonomiku li qed jikseb pajjiżna, qed joħloq sfidi li jeħtieġu t-tfassil ta’ viżjoni fit-tul biex tirrendi f’soluzzjonijiet għal sitwazzjonijiet li qed jinħolqu, bħal skills mismatch u ħolqien ta’ aktar xogħol ta’ kwalità, u b’hekk ix-xogħol ikun ekonomikament u soċjalment sostenibbli.

B’dan it-tkabbir ekonomiku, li qed igawdi minnu kulħadd, wassalna għal-livell li jmiss, u jeħtieġ li jissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi, fost l-oħrajn l-oqsma ambjentali u infrastrutturali.

Fil-laqgħa kien hemm preżenti l-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras, is-Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali Catherine Fenech u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid Mc Kay, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u l-President tal-GWU Victor Carachi.

Il-Partit Laburista jkompli jħares ‘il quddiem b’ħeġġa f’din is-sensiela ta’ laqgħat tal-GWU biex ikompli jissaħħaħ id-djalogu bejn iż-żewġ naħat fuq temi komuni ta’ interess nazzjonali.

Ekonomija

Sport