Saturday, December 21, 2024

“L-appoġġ għall-proposta ta’ sħubija awtomatika f’unjin tal-għażla tiegħek sinjal li l-ħaddiema bi dħul baxx jeħtieġu aktar protezzjoni” – General Workers’ Union

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union laqgħet b’sodisfazzjon ir-reazzjoni pożittiva għall-isforzi tagħha sabiex titfassal liġi dwar l-isħubija awtomatika f’unjin tal-għażla tiegħek, miżura li se tkun ta’ benefiċċju prinċipalment għall-ħaddiema bi dħul baxx.

“Il-GWU tinnota b’sodisfazzjon li minbarra l-appoġġ tat-trejd unjins kollha, l-NGOs Graffitti u l-unjin tal-inkwilini Solidarjetà qegħdin jissapportjaw din il-proposta wkoll. Kollha qed jirrikonoxxu li ħafna ħaddiema f’Malta għadhom bla rappreżentanza ta’ unjin, speċjalment ħaddiema f’impjiegi bi dħul baxx,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

“Sħubija f’unjin tipprovdi garanzija ta’ protezzjoni, speċjalment għall-ħaddiema f’impjiegi b’introjtu baxx li ta’ spiss jew jibżgħu jew jaqtgħu qalbhom milli jissieħbu fi trejd unjin,” żied jgħid Bugeja.

Huwa qal li l-liġi Maltija tipprovdi regulatur attiv dwar is-sħubija u r-reġistri tat-trejd unjins – id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol – li jlaqqgħa flimkien l-unjins bona fide biex ukoll jippromwovi negozjar kollettiv b’saħħtu, kif ukoll il-kunsill konsultattiv tal-partijiet soċjali f’Malta – il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali – fejn it-trejd unjins jipparteċipaw fil-proposti li jippromwovu l-inklussività, il-mobilità soċjali u t-tkabbir ekonomiku.

“Filwaqt li l-partijiet soċjali li jirrapreżentaw il-ħaddiema jvarjaw dwar jekk l-isħubija awtomatika tridx tapplika għall-ħaddiema kollha jew setturi speċifiċi, ta’ spiss l-assoċjazzjoni tal-impjegaturi mhumiex qed jissuġġerixxu soluzzjonijiet għall-problemi ta’ impjegati li ma jitħallewx mill-impjegaturi tagħhom li jissieħbu f’unjin – dan imur kontra l-Kostituzzjoni,” qal Bugeja.

Stħarriġ ippubblikat mill-Fondazzjoni għall-Benesseri tas-Soċjetà fl-2015 żvela li 2.5% ta’ ħaddiema rġiel u 2.5% ta’ ħaddiema nisa kienu jew skoraġġuti jew raw reazzjonijiet ostili minn min iħaddimhom meta ppruvaw jissieħbu f’unjin.

“Min iħaddem qed isostni li l-ħaddiema kollha huma ħielsa li jissieħbu f’unjin – iżda dan tassew jemmnu fih meta dawn il-ħaddiema mhux qed jitħallew jew qed jiġu skoraġġuti milli jaċċedu għal dan id-dritt tagħhom? Proprju l-ġimgħa li għaddiet irċevejna ilment mingħand wieħed mill-membri tagħna li nfurmana li min iħaddmu qallu li kien se jieħu promozzjoni,madankollu kellu jirriżenja mit-trejd unjin. Huma nkludew klawżola fil-kuntratt tiegħu li kienet tgħid li li jekk ikun membru ta’ trejd unjin se jkollu kunflitt ta’ interess għall-pożizzjoni tiegħu. L-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem jafu b’dawn il-każi, u qatt ma jipproponu xi soluzzjonijiet konkreti. Huma qalu biss li l-impjegat għandu jirrapporta lil min iħaddmu. Dik hija soluzzjoni redikola meta wieħed iqis li dawn l-impjegati huma inkwetati jew jibżgħu li l-impjieg tagħhom se jintemm.

“Filwaqt li huwa minnu li ħaddiema li ma jitħallewx jidħlu f’unjin jistgħu jisfidaw dawn il-prattiki fil-qorti tal-ġustizzja, spiss dawn il-ħaddiema affettwati la jkollhom aġenzija sabiex jaġixxu, wisq anqas ir-riżorsi biex jieħdu azzjoni legali. Soċjetà ġusta trid tiskoraġġixxi prattiki inġusti tal-impjieg sa mill-bidu nett, u għalhekk il-unjins huma l-kontromiżura meħtieġa,” qal Bugeja.

Il-GWU temmen li t-trejdjunjinizzazzjoni tipprovdi l-aktar mod sempliċi biex tiskoraġġixxi lil min iħaddem milli jipprova juża xi arranġamenti arbitrarji li jpoġġu lill-ħaddiema fi żvantaġġ. Il-GWU iltaqgħet ma’ wisq stejjer ta’ ħaddiema li ma kellhomx l-awtonomija u l-aġenzija sabiex jisfidaw deċiżjonijiet inġusti u arbitrarji ta’ min iħaddimhom.

“L-unjins huma istituzzjoni bażika ta’ soċjetà ġusta; bl-istess mod li l-impjegaturi jħarsu lejn in-negozji bħala l-istituzzjoni primarja tas-suq ħieles. Bħalma kull komunità teħtieġ gvern, il-ħaddiema jeħtieġu unjin li tagħti lil min hu vulnerabbli l-garanzija ta’ ġustizzja meta jittrattaw mal-impjegaturi,” qal Bugeja.

“Speċjalment fil-każ tal-ħaddiema tal-pjattaforma, dawn l-impjegati ġew soġġetti għal kull tip ta’ trattament arbitrarju. Mingħajr sħubija obbligatorja f’unjin, il-ħaddiema vulnerabbli u anke ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi m’għandhom l-ebda forma ta’ protezzjoni. L-isħubija awtomatika hija kontromiżura meħtieġa għal sistema li tippermetti lill-impjegaturi jiksbu profitt massimu fuq ir-riżorsi umani, għad-detriment tagħhom.”

Ekonomija

Sport