Wednesday, April 24, 2024

L-Arġentina favoriti … iżda l-Awstraljani jimmiraw għal sorpriża

Aqra wkoll

L-Arġentina jibdew favoriti li jegħlbu lill-Awstralja li min-naħa tagħhom jimmiraw li jimxu fuq il-passi tal-Arabja Sawdija u joħolqu t-tieni sorpriża fuq l-Arġentina f’din l-edizzjoni.

L-Albiceleste kisbu l-quċċata ta’ Grupp Ċ wara li għelbu lill-Polonja fl-aħħar logħba tal-grupp bl-iskor ta’ 2-0. L-aħħar li għaddew għall-kwarti tal-finali kien fl-2014, sena li fiha eventwalment spiċċaw bħala finalisti telliefa.

Min-naħa tagħhom, l-Awstralja spiċċaw bħala runners-up fi Grupp D, wara li tilfu l-ewwel partita kontra Franza 4-1, biex rebħu l-aħħar żewġ logħbiet tagħhom kontra t-Tuneżija u d-Danimarka bl-iskor identiku ta’ 1-0 biex laħqu l-fażi eliminatorja għall-ewwel darba mill-2006.

Il-coach Arġentin, Lionel Scaloni, għandu l-players kollha għad-dispożizzjoni tiegħu u fl-attakk jista’ jippreferi lil Julian Alvarez minflokk Lautaro Martinez wara li mpressjona ferm fir-rebħa fuq il-Polonja fejn niżżel ukoll ismu fost l-iskorers.

Jekk jiġri hekk, huwa jifforma l-attakk flim­kien ma’ Lionel Messi u Angel Di Maria.

Anke l-coach Awstraljan, Graham Arnold, għandu l-players kollha disponibbli fejn jista’ jagħmel xi tibdil fis-settur ta’ nofs il-ground.

Jidher li l-midfielder ta’ St Mirren, Keanu Baccus, se jiġi preferuti minn dak ta’ Adelaide, Craig Goodwin, li deher ibati wisq fir-rebħa ta’ 1-0 kontra d-Danimarka. Baccus mistenni jifforma parti mit-trio li jinkludi wkoll lil Aaron Mooy u Jackson Irvine.

Huwa fatt magħruf li l-Arġentina jippossjedu aktar kwalità mill-Awstralja iżda jridu jirrispettaw lill-avversarji minħabba li f’din l-edizzjoni qed jispikkaw is-sorpriżi.

Sport