Thursday, March 28, 2024

Partita delikata għall-Olanda kontra l-Istati Uniti

Aqra wkoll

L-Olanda u l-Istati Uniti se jibdew il-fażi tal-Aħħar 16 ta’ din l-edizzjoni meta jaffrontaw lil xulxin fil-Khalifa International Stadium.

It-team immexxi minn Louis van Gaal kiseb il-quċċata ta’ Grupp A biex aċċerta l-passaġġ tiegħu għall-fażi eliminatorja, filwaqt li l-Amerikani temmew fit-tieni post ta’ Grupp B, taħt l-Ingilterra.

L-Olandiżi għandhom  bosta problemi hekk kif id-difensur lemini Jeremie Frimpong sofra injury fl-għaksa waqt it-taħriġ aktar kmieni din il-ġimgħa u issa huwa dubjuż, iżda Denzel Dumfries huwa mistenni jilgħab fuq il-lemin xorta waħda minkejja li mhuwiex f’siktu għal kollox.

Formazzjoni mhux mibdula tista’ tkun idea­li għal Oranje, hekk kif l-istilla ta’ PSV Eindhoven, Cody Gakpo, għandu l-għan li ssir l-ewwel Olandiż li skorja f’erba’ logħbiet konsekuttivi tat-Tazza tad-Dinja.

Min-naħa tal-Istati Uniti, Christian Pulisic ġie assessjat kontinwament wara li sofra injury waqt li skorja l-goal rebbieħ kontra l-Iran, iżda l-attakkant ta’ Chelsea afferma li se jkun tajjeb għal dan il-konfront f’messaġġ ta’ awguri li tella’ mis-sodda tal-isptar.

Il-caoch Gregg Berhalter tilef ukoll lil Josh Sargent minħabba li weġġa’ l-għaksa, għalkemm il-firxa tal-injury mhux se ssir ċara sakemm joħorġu r-riżultati tal-iscans, filwaqt li Weston McKennie huwa rrappurtat li qed jittratta problema fil-pexxul biex jagħti lill-Istati Uniti uġigħ ta’ ras oħra fl-għażla.

Madankollu, it-tliet players għandhom ċansijiet tajbin li jkunu disponibbli għal din il-logħba, u għalhekk Berhalter żgur li se jfittex li jżomm mal-formazzjoni inizjali li għelbet lill-Iran sakemm il-problemi ma jikbrux.

Ekonomija

Sport