Tuesday, May 14, 2024

L-armata Russa tkompli tibbumbardja bliet Ukreni b’xita ta’ missili

Aqra wkoll

Minn tal-inqas għaxar persuni tilfu ħajjithom — inkluż mara li għadha żgħira fl-età kif ukoll il-wild tagħha — wara li matul il-lejl li għadda diversi bliet Ukreni sofrew numru ta’ attakki qalili bil-missili mill-armata Russa.

Fost il-bliet milquta kien hemm dik ta’ Kyiv. Dan l-attakk huwa meqjus bħala l-ewwel wieħed fuq din il-belt f’dawn l-aħħar xahrejn. Kawża ta’ dan saru ħsarat fuq il-cables tad-dawl kif ukoll f’waħda mit-toroq tal-akkwati.

F’attakk separat li seħħ fi Dnipro matul l-istess lejl, omm u l-wild tagħha ta’ tliet snin tilfu ħajjithom. Dan kif ikkonfermat mis-Sindku tal-Lokal Borys Filatov.

Żewġ missili laqtu wkoll blokka appartamenti u mħażen f’Uman. L-awtoritajiet Ukreni qalu li f’dan l-attakk mietu tliet persuni filwaqt li ħamsa oħra sfaw midruba, fosthom anzjana ta’ 70 sena li bħalissa qed tingħata għajnuna medika. Skont rapporti internazzjonali, ir-Russja qalet li hi mhix responsabbli mill-ħsarat tal-binjiet residenzjali; qalet li dan huwa frott in-nuqqas ta’ koordinazzjoni min-naħa tad-difiża tal-ajru Ukrena.

Attakki oħra kienu rrappurtati li seħħew f’Kremenchuk, f’Poltava u f’Mykolaiv.

Sport