Thursday, December 26, 2024

L-arrest f’każ ta’ reati serji jista’ jitla’ sa 132 siegħa

Il-Ministru jsostni li din għandha tkun l-eċċezzjoni u mhux in-norma

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Dan huwa abbozz storiku mill-att ta’ sigurtà pubblika, li huwa importanti wkoll għal dawk l-elementi illi jiggrantixxu wkoll id-drittijiet tas-suspettat. Huwa abbozz li se jgħin lill-pulizija biex twettaq il-funzjoni tagħha li tinvestiga reat b’mod effettiv u ġġib persuni quddiem il-qorti f’każijiet li jkunu jinvolvu reati gravi u li jkunu jeħtieġu iktar minn 48 siegħa biex l-investigazzjoni tkun tista’ tiġi konkluża”. Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard waqt li kien qiegħed jitkellem dwar l-Att li jemenda liġijiet varji dwar l-arrest u d-detenzjoni mill-Pulizija ta’ persuni suspettati li wettqu reati serji.

Il-Ministru Attard kien ċar li mhux il-ħsieb tal-gvern li l-ħin tal-arrest ta’ 48 siegħa jiġi mtawwal bħala regola madanakollu ċerti reati gravi jeħtieġu għodda iżjed effettiva biex jiġu investigati u dan jinkludi wkoll żmien itwal taħt detenzjoni.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Ministru enfasizza li d-drittijiet tas-suspettat, mhuma se jintmissu bl-ebda mod f’dan l-abbozz, ħlief għal aspett illi żmien tal-arrest se jkun possibbli li jittawwal.

Huwa kompla biex jgħid li madwar 40 sena ilu, din ir-regola tas-sigħat fil-prattika ftit li xejn kienet tfisser. Fakkar kif kien hemm lok li l-Pulizija titlaq persuna wara 48 siegħa taħt arrest u terġa’ tiġbru kantuniera bogħod.

Kompla biex jirreferi għal digriet ftit tas-snin wara fejn fil-kawża l-Pulizija vs Galea & Borg, il-Maġistrat Joseph Filletti illi kien introduċa l-kunċett illi r-rilaxx irid ikun wieħed manifest u effettiv. Kompla biex jelenka żviluppi li ġustament imponew restrizzjonijiet fuq il-poteri tal-pulizija, u kif maż-żmien bdiet tfeġġ iktar, tip ta’ kriminalità fejn huwa ċar illi ż-żmien ta’ 48 siegħa jista’ ma jkunx biżżejjed.

Huwa qal li ma jarax lok li fil-parlament jitqajmu kwistjonijiet fosthom għalfejn emenda simili baqgħet ma sabitx is-sostenn meħtieġ biex tasal f’dan l-istadju. Saħaq li l-gvern bl-ebda mod mhu qiegħed jgħid li dak li jgħid l-abbozz u sagrosant. Madanakollu sostna li huwa essenzjali li jkun hemm qbil.

Il-Ministru Spjega li dan l-abbozz jitratta dwar każi fejn reati jkunu ta’ natura li jistgħu jwasslu għall-piena massima ta’ aktar minn tnax-il sena priġunerija. B’hekk dawk ir-reati li jġorru piena ta’ possibilità ta’ massimu ta’ inqas minn tnax-il sena mhumiex ser ikunu affettwati b’din l-emenda u l-proċeduri proposti.

X’qiegħed ikun propost?

Jekk l-investigaturi jħossu li għandhom bżonn aktar żmien biex jiffinalizzaw linvestigazzjoni tagħhom, issir talba b’rikors illi l-kontenut tiegħu jrid ikun ġuramentat u jagħti informazzjoni adegwata taċ-ċirkostanzi lill-Maġistrat qabel ma jgħaddu t-48 siegħa sabiex il-Magistrat jawtorizza illi l-arrest jiġi estiż bi żmien ta’ sa 48 siegħa oħra.

Il-Maġistrat jista’ jew jisma’ l-każ qabel ma jgħaddu t-48 siegħa jew jekk iqis li dan ma jkunx prattikabbli jista’ jisma’ l-każ sa sitt sigħat wara li jagħlqu t-48 siegħa u l-Maġistrat ikun jista’ jordna li matul dak il-perjodu ta’ massimu ta’ sitt sigħat il-persuna suspettata tibqa’ tinżamm arrestata. Fis-smigħ, li jsir fil-magħluq, is-suspettat ikun preżenti u jkollu dritt li jkun assistit minn Avukat jew Prokuratur Legali.

Il-Pulizija tista’ permezz tal-istess proċedura titlob għat-tieni estensjoni, li iżda tista’ tkun għal massimu ta’ 24 siegħa oħra, bil-Maġistrat, għal darb’oħra, obbligat jiddeċiedi fuq it-talba fi żmien sitt sigħat.

Is-sigħat addizzjonali totali mqattgħin taħt arrest ‘il fuq mit-48 siegħa inizjali ma jistgħux jeċċedu 84 siegħa. Fi tmiem it-tieni estensjoni s-suspettat irid jiġi rilaxxat jew jitressaq il-Qorti u fil-każ li jiġi hekk rilaxxat wara li tkun ġiet awtorizzta d-detenzjoni ulterjuri tiegħu ma jistax jerġa’ jiġi arrestat mingħajr mandat li għandu jinħareġ minn Maġistrat għar-reat li għalih kien diġà arrestat sakemm, minn meta jinħeles, ma jinstabux provi ġodda jew ikun sar eżami jew analiżi ta’ provi eżistenti li ma setgħux raġonevolment isiru qabel ir-rilaxx tiegħu.

Dan se jkun ifisser li b’dawn l-emendi kif propost, il-perjodu massimu assolut ta’ arrest inklużi t-48 siegħa oriġinali se jkun ta’ 132 siegħa.

Bżonn ta’ preċiżjoni fiż-żamma tal-ħin mill-Pulizija

Il-Ministru sostna li huwa importanti għat-tħaddim ta’ dawn l-emendi illi l-pulizija kif tagħmel preżentament iżżomm rekord eżatt tal-ħin tal-arrest u għaldaqstant xejn ma jżomm lill-pulizija milli tippreżenta dan bħala prova.

“Aħna kif dejjem għamilna u se nkomplu nagħmlu, se nkunu miftuħin għas-suġġerimenti u nħares ’il quddiem għal diskussjoni akkademika u matura mhux imxejna minn battuti politiċi. Inħares ’il quddiem biex kemm f’dan l-istadju parlamentari tat-tieni qari u kif ukoll partikolarment fi stadju ta’ kumitat, ikun hemm sforz konġunt biex insaħħu dawn l-emendi. Dan fl-aqwa interess tal-ġustizzja, fl-aqwa interess tas-sigurtà pubblika u fl-aqwa interess taċ-ċittadini tagħna”, temm jgħid il-Ministru.

Ekonomija

Sport