Wednesday, October 9, 2024

Għajnuna lill-ħaddiema u min iħaddem fl-Ewropa għal mobbiltà aktar faċli u ġusta

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt konferenza li saret f’Dar il-Mediterran u li għaliha attendew il-General Workers’ Union f’kollaborazzjoni mal-Gvern Malti, l-Istat Taljan, l-Awtoritajiet Nazzjonali u l-imsieħba soċjali ġie diskuss il-proġett EURES. Dan il-proġett jitratta dwar għajnuna lill-ħaddiema u min iħaddem fl-Ewropa għal mobbiltà aktar faċli u ġusta.

Is-Servizzi Ewropej tal-Impjieg, magħruf bħala EURES, jiġbor flimkien il-Kummissjoni Ewropea u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tal-pajjiżi li jappartjenu għall-Unjoni Ewropea kkonċernati bi kwistjonijiet ta’ impjieg. Fost dawn hemm diversi trade unions, organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u kif ukoll awtoritajiet lokali u dawk reġjonali.

L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett tal-EURES huwa li jiffaċilita l-mobilità madwar l-Ewropa u joffri appoġġ lil dawk kollha li jkunu qegħdin ifittxu xogħol, taħriġ jew apprentistat f’pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea, fin-Norveġja u fl-Iżlanda. Minbarra hekk, dan il-proġett jittratta ukoll il-ħtiġijiet ta’ dawk li qed ifittxu xogħol biex jeliminaw l-ostakli tal-mobilità.

Permezz tal-iffirmar tagħha fil-parteċipazzjoni ta’ dan il-proġett, il-General Workers’ Union kienet l-ewwel trejdunjin Maltija li qiegħda tieħdu sehem fih. Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġeneral Workers’ Union Josef Bugeja qal li l-għan tal-Unjin huwa li tgħin lil min iħaddem biex isib il-ħiliet li hemm bżonn kif ukoll li l-ħaddiema Maltin li jkunu jixtiequ esperjenzi ta’ xogħol barra minn Malta jsibu l-għajnuna li hemm bżonn. Barra minn hekk huwa saħaq li bħala prinċipju, il-ħaddiema li jiġu mill-Unjoni Ewropea, għandhom ikollhom kundizzjonijiet xierqa u xogħol diċenti kif sippost u skont il-liġijiet ta’ Malta. Huwa saħaq li ħafna ħaddiema li jiġu minn barra, minħabba li ma jkunux jafu l-kundizzjonijiet u dak li tgħid il-liġi, jistgħu jispiċċaw sfruttati.

Id-Deputat Segretarju tal-GWU, Kevin Camilleri qal li din kienet it-tieni sena li l-GWU ikollaborat flimkien mal-Jobsplus. Żied jgħid li l-għan ewlieni ta’ dan il-proġett tal-EURES, jaħdem id f’id mas-servizzi tal-impjiegi tal-ħaddiema. Dan sabiex ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jibbenifikaw mill-istess opportunitajiet minkejja l-ostakli tal-lingwa u d-differenzi fil-kultura.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li l-mobiltà fil-qasam tax-xogħol hija waħda mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa kompla jispjega li l-mobiltà fil-qasam tax-xogħol għal pajjiżna kienet importanti ħafna sabiex fl-aħħar snin f’pajjiżna daħlu biżżejjed ħaddiema illi permezz tagħhom kien possibbli li Malta tiġġenera t-tkabbir ekonomiku illi seħħ.
“Permezz ta’ dan, sussegwentament il-Gvern kien f’pożizzjoni illi jindirizza aħjar il-bżonnijiet tal-Maltin u l-Għawdxin”, tenna Caruana.

Min-naħa tiegħu l-ambaxxatur Taljan għal Malta, Fabrizio Romano irringrazzja lil dawk kollha li se jkunu qegħdin jaħdmu fuq dan il-proġett. Dan filwaqt li faħħar il-ħidma konġunta, li ser tkun qiegħda tipprovdi aktar għajnuna kemm lill-impjegati, kif ukoll dawk li jħaddmu.

Sport