Saturday, May 4, 2024

L-arroganza tal-gvern Franċiż… persistenza u determinazzjoni mill-ħaddiema

Aqra wkoll

Minkejja l-azzjonijiet qawwija li kienu qegħdin jittieħdu mill-ħaddiema fi Franza li niżlu b’efuf kbar fit-toroq są mid-19 ta’ Jannar, il-gvern Fraċiż baqa’ għaddej bil-pjani tiegħu dik li jżid l-età tal-itirar minn 62 sena għal 64 sena. L-arroganza tal-gvern Franċiż spikkat fl-aħħar jiem u dan hekk kif il-Kunsill Kostituzzjonali approva ir-riformi tal-gvern, il-President Macron daħħal il-liġi b’mod immedjat. Mossa lil qed titqies bħala mill-aktar arroganti u bla preċedent b’mod partikolari mis-sena 1968 ‘lhawn fejn dakinhar saru azzjonijiet industrijali li pparalizzaw lill-pajiż.

Waqt li fuq naħa qegħdin naraw l-arroganza tal-Gvern Franċiż li minkejja li qed ikollu żoni sħaħ fil-pajjiż paralizzati minn azzjonijiet industrijali tal-ħaddiema u toroq imblukkati fost oħrajn, fuq in-naħa l-oħra qegħdin nara ħaddiema u unions li fihom qiegħda tispikka il-persistenza u d-determinazzjoni li jibqgħu jiġġieldu.

M’hemm ebda dubju li dak li qegħdin naraw illum fi Franza jiżboq protesti oħra kbar li saru fis-snin ta’ qabel. Dawn il-protesti, minkejja li ilhom għaddejjin minn Jannar baqgħu b’saħħithom.

Fis-snin l-imgħoddija kien hemm movimenti u protesti fosthom dawk li seħħew fis-sena 1995 kontra miżuri ta’ awsterità. Kien hemm imbagħad protesti kbar fis-sena 2003 u 2010 kontra dak li ssejjaħ bħala attakk fuq il-pensjonijiet.

Dak li qed jiġri fl-aħħar jiem huma azzjonijiet li jiżbqu lil dawk li seħħew fis-snin ta’ qabel. Rajna protesti li saru ftit snin ilu minn ħaddiema tat-trasport. Protesti li damu għaddejjin imma li imbagħad bdew inaqqsu bil-mod il-mod mis-saħħa tagħhom.

Dawn il-protesti tal-aħħar jiem baqgħu b’saħħithom u dan sar għax hemm ħaddiema determinati. Ħaddiema li qegħdin jinżlu it-toroq. Ħaddiema li llum il-protesti tagħhom mhumiex indirizzati biss lejn ir-riforma li jrid iwettaq il-Gvern Franċiż fl-età tal-pensjoni. Il-protesti huma indirizzati ukoll lejn dawk li għandhom il-poter u saħħa finanzjarja.

Il-protesti qegħdin juru li l-poplu f’dan il-pajjiż hu mxebba minn kif qed isiru ċerti affarijiet. Imxebba jara gruppi żgħar ta’ nies jieħdu l-poter f’idejhom u jmexxu l-aġenda huma. Imxebba għax minkejja l-wegħdi u kliem fieragħ qed jaraw il-kwalità tal-ħajja tagħhom tonqos. L-inflazzjoni tal-aħħar xhur, qed tkompli żżid mat-tensjoni.

Dak li qed jiġri fi Franza hu sinifikanti. Il-protesti mhumiex f’Pariġi biss imma huma mifruxin fi bliet u rħula żgħar. Huma protesti li l-intensità u l-kontinwità tagħhom kienet ilha ma tidher sa mis-sena 1968.

X’qed jispikka f’dawn il-protesti? Għaliex huma sinifikanti? Dawn huma protesti li fihom rajna l-għaqda bejn l-unions Franċiżi. Rajna movimenti jiġu flimkien u jopponu dak li qed jimbotta ‘l quddiem il-Gvern Franċiż.
Il-ħaddiema m’humiex waħdihom f’din il-ġlieda. L-opinjoni pubblika llum fi Franza hi man-naħa tal-ħaddiema u mar-rappreżentanti tagħhom. Illum hemm persentaġġ qawwi tal-opinjoni pubblika li qed iħeġġeġ għal azzjonijiet diretti fosthom l-imblokk tal-ekonomija.

L-għaqda u l-kontinwità fil-protesti wasslet għal azzjonijiet fit-trasportijiet, raffineriji taż-żejt, ġbir tal-iskart u għadd kbir ta’ postijiet tax-xogħol oħra. Sitwazzjoni li waqt li l-ħaddiema jkunu fit-toroq qegħdin naraw xeni ta’ kunflitti u tensjoni mal-Pulizija. Rajna l-protestanti jidħlu f’bini importanti. Qegħdin naraw l-istudenti jingħaqdu mal-ħaddiema u huma ukoll jorganizzaw il-protesti u l-azzjonijiet. Rajna toroq litteralment imblukkati.

Dawn il-protesti issa qegħdin iwasslu ukoll għal xi ħaġa ġdida u li aktarx li qed iseħħ minħabba l-għebusija u l-arroganza tal-Gvern Franċiż. Din hi dik li issa għall-ewwel darba organizazzjonijiet ambjentali ukoll qegħdin jippjanaw il-protesti tagħhom. Għall-ewwel darba qegħdin naraw kif kwistjoni marbuta mal-pensjonijiet wasslet biex għaqqdet għadd ta’ movimenti flimkien fosthom unions, movimenti politiċi u għaqdiet ambjentali.

Il-Gvern wieġeb għal dan billi l-Pulizija attakkaw dimostranti. Sparaw il-gass tad-dmugħ. Il-Gvern Franċiż għandu l-appoġġ tal-burokratiċi Ewropej u jidher determinat li jibqa’ għaddej bil-pjani tiegħu. Mill-banda l-oħra l-movimenti tal-ħaddiema determinati li jibqgħu għaddejjin bil-ġlieda.

Hu għalhekk li sejħu għal protesti kbar proprju fl-1 ta’ Mejju – Jum il-Ħaddiem. Protesti li se jkomplu jitfgħu pressjoni, liema pressjoni illum hemm qed jgħolliha għal livelli oħra u dan billi qed isiru sejħiet biex isir imblokk tal-organizazzjoni tal-Olimpjadi għas-sena 2024 li se jsiru f’Pariġi.

Dak li qed isir fi Franza mhux każ iżolat. Il-protesti qed isiru fi żmien fejn f’pajjiżi bħar-Renju Unit, il-Greċja u l-Portugall ukoll huma milqutin minn azzjonijiet. X’se jiġri fil-jiem u ġimgħat li ġejjin diffiċli wieħed ibassar. Li jidher biċ-ċar hu li hawn mewġa fl-Ewropa li turi skuntentizza.

Sport