Friday, April 26, 2024

“Diżappuntat bir-risposta tal-Kurja…risposta supperva”

…il-kwistjoni dwar proposta biex ġnien fil-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt isir monument għal dawk li ngħataw l-interdett

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara aktar minn sittin sena li l-Knisja Maltija tat l-interdett lil kull min kien ta’ twemmin Laburista, liema deċiżjoni kienet tfisser li persuni bi twemmin Laburista ġew imċaħħdin milli jattendu funzjonijiet reliġjużi u anke mċaħħda mis-sagramenti, issa fil-pajjiż hawn qbil li għandu jsir monument għal dawk kollha li ngħataw l-interdett. Wara li nhar il-Ħadd, talk.mt xandret rapport dwar proposta li kien għamel iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għal Belt Valletta, għal liema proposta hu personali baqa’ ma ngħata ebda risposta, issa sar magħruf li l-Knisja Maltija qed taqbel ma’ monument.

Biss minkejja dan hemm nuqqas ta’ qbil fuq fejn u kif għandu jsir dan il-monument. Waqt li l-proposta li kien għamel iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef kienet tgħid li l-monument għandu jkun differenti minn dawk li naraw fit-toroq u fil-ġonna u għalhekk hu ppropona li l-monument ikun ġnien fi proprjetà tal-Knisja Kattolika, bil-proposta tkun li jsir fil-ġnien tal-Palazz tal-Arċisqof, liema ġnien jinsab biss ftit passi bogħod mill-Valletta Design Cluster.

Il-Kurja minn naħa tagħha, kisret is-skiet li dejjem kien hemm fuq din l-proposta u qalet li waqt li taqbel mal-monument, ma tħossx li għandu jsir fil-ġnien u dan minħabba li fil-Palazz tal-Arċisqof hemm l-uffiċċji tat-Tribunal Ekkleżjastiku li jieħu ħsieb każijiet matrimonjali delikati, u l-Arċidjoċesi ma tixtieqx tikkomprometti l-livell għoli ta’ kunfidrnzjalità meħtieġa fi proċeduri sensittivi bħal dawn.

talk.mt fl-aħħar jiem marret fil-post fejn jinsab dan il-ġnien. Din hi żona li tinsab fin-naħa ta’ isfel tal-Palazz tal-Arċisqof. Jekk wieħed isegwi sew iż-żona, jista’ faċilment jara li l-ġnien jekk jinfetaħ għall-pubbliku mhu se jaffettwa bl-ebda mod il-każijiet matrimonjali delikati li dwarhom ikun hemm proċeduri għaddejjin fit-Tribunal Ekkleżjastiku. Filfatt il-ġnien mhux biss hu maqtugħ imma jista’ faċilment jinfetaħ bieb għal quddiem il-Valletta Design Cluster u b’hekk il-ġnien ikun maqtugħ kompletament.

Quddiem dak dikjarat mill-Kurja Maltija, iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef iddikjara ma’ IT-TORĊA li “l-iskuża li qed iġġib il-Kurja Maltija hi farsa. Qegħdin jgħidu li jekk il-ġnien jinfetaħ għall-pubbliku ma tibqax kunfidenzjalità għal kazijiet matrimonjali delikati. Il-ġnien hu maqtugħ għalih. Jinsab fil-parti ta’ wara u biex tidħol għalih ma jkollokx bżonn tidħol mill-entratura tal-palazz, għax konna ipproponejna biex tidħol għalih minn quddiem il-Valletta Design Cluster. L-iskuża li qed iġġib il-Kurja hi fallaċi u ma treġix.”

Jason Micallef jgħidilna li “l-bieb fil-ġnien fil-parti li tagħti għal quddiem il-Valletta Design Cluster diġa kien jeżisti. Fil-passat kien hemm bieb u ingħalaq. Il-proposta tiegħi kienet li peress li ġnien jinsab qrib ħafna tal-Valletta Design Cluster, dak seta’ jkun post ideali biex issir rikonċiljazzjoni bejn poplu u knisja. Biex nagħmlu monument bħal ma naraw fit-toroq u żoni oħra fil-Mall il-Furjana kif semmiet il-Knisja Maltija, il-Gvern m’għandu bżonn l-ebda permess mill-Knisja Maltija.

Il-ħsieb hu li l-monument ikun differenti, ġnien proprjetà tal-Knisja bier iservi bħala post ta’ riflessjoni u paċi. Il-post għandu jkun provdut mill-Knisja Maltija għal hi weġgħet ħafna nies. Bħala Aġenzija Kulturali għal Belt Valletta, aħna konna se nieħdu ħsieb l-ispejjeż kollha relatati inkluż biex jinżamm u jinfetaħ il-ġnien.

Niddikjara li l-iskuża li nġabet hi fallaċi u inqisha supperva. Diżappuntat ħafna b’dik ir-risposta li ngħatat”.

Ir-risposta tal-Kurja

L-Arċidjoċesi ta’ Malta iddikjarat li, “fi spirtu ta’ għaqda nazzjonali,” tappoġġja bis-sħiħ it-talba biex jitwaqqaf monument li jonora lil dawk affettwati mill-interdett maħruġ mill-Knisja fis-sittinijiet. Qalet li t-talba biex isir dan il-monument kienet saret għall-ewwel darba mill-eks Ministru José Herrera fl-2020, wara li f’Novembru tas-sena ta’ qabel l-Arċisqof Charles Scicluna bierek l-oqbra taċ-ċimiterju fil-parti magħrufa bħala ‘Il-Miżbla’, inkluż dak tal-eks Deputat Prim Ministru Ġużè Ellul Mercer. Dakinhar, fuq l-eżempju li taw l-Arċisqfijiet ta’ qablu Michael Gonzi, Joseph Mercieca u Paul Cremona, l-Arċisqof Scicluna talab maħfra għal dak li għamlet il-Knisja dak iż-żmien.

Ir-reazzjoni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta saret wara ċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef f’kumment ma’ IT-TORĊa iddikjara li l-Knisja ma weġbitx għat-talba biex isir dan il-monument. Il-Kurja qalet fi stqarrija li fit-18 ta’ Mejju tal-2020, l-Arċisqof Charles Scicluna kien kiteb lill-Ministru ta’ dak iż-żmien u stqarr li l-Knisja tappoġġja t-twaqqif ta’ dan il-monument.

It-talba oriġinali tal-Ministru kienet li l-monument jitpoġġa fil-ġnien tal-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta, li mbagħad jinfetaħ għall-pubbliku. Iżda minħabba li fil-Palazz tal-Arċisqof hemm l-uffiċċji tat-Tribunal Ekkleżjastiku li jieħu ħsieb każijiet matrimonjali delikati, l-Arċidjoċesi ma xtaqitx tikkomprometti l-livell għoli ta’ kunfidenzjalità meħtieġa fi proċeduri sensittivi bħal dawn.

L-Arċidjoċesi ssuġġeriet lill-Ministru ta’ dak iż-żmien biex monument bħal dan jitpoġġa f’post pubbliku u laqgħet il-proposta tal-eks Ministru Herrera li dan il-monument isir fil-Ġnien tal-Mall fil-Furjana, li hu post ċentrali u aċċessibbli. Il-Kurja ddikjarat li qatt ma rċeviet tweġiba għal din l-ittra, “iżda tkompli tilqa’ b’idha miftuħa u tappoġġja bis-sħiħ inizjattiva bħal din, kif ukoll kwalunkwe inizjattiva għal monument dedikat lill-vittmi kollha ta’ vjolenza fiżika u morali kemm mill-Knisja kif ukoll mill-Istat.”

Ta’ min jgħid li kien fis-sena 1961 li l-Knisja Kattolika Maltija ddikjarat sanzjonijiet reliġjużi kontra l-Perit Dom Mintoff u l-membri tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista. Is-sanzjonijiet kienet inħarġu ukoll għall-partitarji attivi tal-Partit Laburista. Il-Knisja Maltija tat l-interdett u nies bi twemmin Laburista ġew imċaħħdin milli jattendu funzjonijiet reliġjużi. Dan wassal biex għadd ta’ persuni kellhom jiżżewwġu fis-sagristija minħabba dawn is-sanzjonijiet, mingħajr funzjoni propja, jew inkella ma ngħatawx assoluzzjoni mill-qrar. Il-Knisja Maltija ma waqfitx hemm u iddikjarat li partitarji Laburisti ma setgħux jiġu midfuna fil-parti kkonsagrata taċ-ċimiterju, iżda f’fossa waħda mhux ikkonsagrata, magħrufa bħala, ‘il-miżbla’.

Għall-elezzjoni ġenerali tas-sean 1962, il-Knisja Malita ddikjarat li kull appoġġ lill-Partit Labusita u vot lill-Partit Laburista kien ser jiġi ikkunisdrat bħala dnub mejjet. Dan kien jgħodd għal min imur il-mass meetings u għal min jaqra l-ġurnal ‘Il-Ħelsien’ tal-Partit Laburista.

1 kumment

  1. Sur J.Micallef inti stennejt li l knisja F’Malta kienet se tati permess lill poplu Malti li jsir dan il monument fil gnien ta dan il palazz.Mela Insejt min qed imexxi l knisja.Il knisja ahjar tara dan il gbir kollu x qed isir bih.Kull entita tal knisja jigbru bla misthija.

Comments are closed.

Sport