Wednesday, July 24, 2024

L-Assikura Speed Race – Tiġrija innovattiva għal pajjiżna

Aqra wkoll

It-Tnejn waranofsinhar saret konferenza stampa fil-Malta Equidrome sabiex titħabbar kompetizzjoni totalment ġdida fil-kalendarju tat-trott lokali.

Flimkien mal-General Manager ta’ Assikura Insurance s-Sur Andrew Grech u l-viċi Chairman tal-Malta Racing Club is-Sur Anthony Demanuele, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome l-Avukat Matthew Brincat ħabbar li l-Malta Equidrome se tkun qed tospita l-ewwel speed race li qatt saret Malta.

Dan huwa avveniment spettakolari kemm għall-parteċipanti kif ukoll għall-ispettaturi li f’dawn l-aħħar snin kien organizzat f’avvenimenti maġġuri fl-Iskandinavja u wara diskussjonijiet mal-Kumpanija tal-Assigurazzjoni Assikura issa wasal ukoll f’Malta.

Is-Sur Andrew Grech qal li l-Kumpanija Assikura issa ilha għal bosta snin tassoċja ruħha ma’ kampjonati tat-tiġrijiet taż-żwiemel iżda din is-sena xtaqu li jkunu parti minn avveniment innovattiv li jkompli jsaħħaħ l-impenn tagħhom ma’ dan l-isport tant popolari. Meta l-Malta Equidrome avviċinathom bl-idea ta’ din l-ispeed race mill-ewwel indunaw li dan kien eżattament it-tip ta’ avveniment li riedu u għalhekk jinsabu kburin li qed jappoġġjaw l-Assikura Speedrace li se ssir nhar il-Ħadd 17 ta’ Diċembru.

Il-viċi Chairman tal-Malta Racing Club Anthony Demanuele qal li meta ġew avviċinati mill-Malta Equidrome bl-idea ta’ dan l-avveniment mill-ewwel urew kollaborazzjoni għaliex kienu jafu li din it-tiġrija kienet ser tkompli ittejjeb il-kalendarju tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Bħala tim ħadmu fuq ir-regolamenti tal-parteċipazzjoni fejn dawn ġew immudellati fuq dawk diġà eżistenti internazzjonalment u bħal kulħadd jinsabu ħerqana għal din l-ewwel edizzjoni tal-Assikura Speedrace.

Disa’ żwiemel ġew magħżula skont il-kundizzjonijiet stabbiliti u fi tmiem il-konferenza stampa ġew raggruppati fi tliet heats li se jinġrew konsekuttivament bir-rebbieħ minn kull heat jipparteċipa fit-tiġrija finali. Din il-kompetizzjoni hija fuq distanza ta’ 640m u għalhekk il-kunċett tal-veloċità.

Total ta’ €5400 fi premjijiet se jitqassmu li mhux biss jinkludu dawk li se jingħataw lil dawk li se jikkontestaw il-finali iżda premju ta’ konsolazzjoni għas-sitt żwiemel eliniminati. Fil-finali se jitqassmu wkoll trofej attraenti maħduma apposta kif ukoll għata liż-żiemel rebbieħ.

Ekonomija

Sport