It-timijiet Maltin tal-handball tal-bniet ta’ taħt is-17-il sena u tas-subien ta’ taħt id-19-il sena qed jikkompetu fl-edizzjoni 2026 tal-Paris World Games, li qed isiru fil-kapitali Franċiża bejn is-6 u l-11 ta’ Lulju. Dawn qegħdin jirrapreżentaw lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball (MHA) f’wieħed mill-aktar avvenimenti sportivi importanti għaż-żgħażagħ fl-Ewropa.
Il-Paris World Games jiġbru flimkien atleti żgħażagħ minn aktar minn 60 pajjiż f’diversi dixxiplini sportivi bħal futbol, basketball, rugby sevens u handball. It-tournament huwa magħruf li jattira klabbs u akkademji ta’ profil għoli minn madwar id-dinja, bil-logħob tal-handball jintlagħab f’aktar minn 10 postijiet madwar Pariġi. Il-ġimgħa tiftaħ b’ċerimonja tradizzjonali fuq ix-xmara Seine, fejn kull delegazzjoni ttajjar il-bandiera ta’ pajjiżha u tal-klabb tagħha.
Il-parteċipazzjoni f’tournament ta’ dan il-livell toffri lill-plejers żgħażagħ Maltin tal-handball l-opportunità li jittestjaw lilhom infushom kontra oppożizzjoni internazzjonali b’saħħitha, jiksbu esperjenza kompetittiva prezzjuża, u jirrappreżentaw il-handball Malti fuq pjattaforma prestiġjuża.
It-tim tas-subien ta’ taħt id-19-il sena huwa mmexxi mill-kowċ Jacob Ciantar, filwaqt li Raquel Ciantar qed tikkowċja lit-tim tal-bniet ta’ taħt is-17-il sena. Il-head coach Guy Bischoff qed jissorvelja ż-żewġ timijiet.
Il-President tal-MHA, elett dan l-aħħar, Vladimiro Comodini, esprima l-apprezzament tiegħu lejn dawk kollha li għamlu din il-parteċipazzjoni possibbli.
“Din l-opportunità saret realtà permezz tal-ħidma tal-kumitat preċedenti, u nixtieq nirringrazzjahom talli ħejjew il-bażi għall-parteċipazzjoni tagħna. Il-mertu jmur ukoll lill-kumitat attwali, li bl-impenn tiegħu assigura li kollox jinġabar flimkien fl-aħħar fażijiet biex tirnexxi,” qal Comodini. “Lill-plejers u l-kowċis tagħna, nawguralkom ġimgħa ta’ sodisfazzjon f’Pariġi. Lil hinn mir-riżultati, din hija fuq kollox esperjenza ta’ żvilupp – opportunita li tikkompetu kontra oppożizzjoni ta’ livell, titgħallmu, u tikbru kemm bħala atleti kif ukoll bħala grupp.”
Il-MHA tirringrazzja lil Sport Malta, Visit Malta u lill-Kumitat Olimpiku Malti għall-appoġġ kontinwu tagħhom, li mingħajru l-parteċipazzjoni f’avvenimenti internazzjonali ta’ dan il-livell ma tkunx possibbli.

