Minn Cristian Muscat
It-tim tan-nisa ta’ Birkirkara Beach Soccer kompla jikteb paġna oħra fl-istorja tiegħu wara li rebaħ għall-ewwel darba taħt dan l-isem it-titlu tal-Kampjonat tal-Beach Soccer tan-nisa, u għamel dan b’mod drammatiku fil-finali kontra Sliema.
Il-finali, li ntlagħbet fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa, offriet spettaklu mimli emozzjonijiet hekk kif Birkirkara għelbu lil Sliema 8-7 wara l-għoti tal-penalties, wara li l-logħba u l-ħin barrani spiċċaw fi draw ta’ 5-5.
Għal Shakira Bugeja, captain ta’ Birkirkara, dan is-suċċess għandu valur speċjali ħafna. Mhux biss għax it-tim rebaħ it-tielet kampjonat konsekuttiv, iżda wkoll għax jirrifletti l-vjaġġ li għamel dan il-grupp ta’ plejers matul is-snin.
“Din kienet rebħa li tfisser ħafna għalina. Tajna qalbna kollha, għax kien kampjonat diffiċli ħafna. Il-Beach Soccer huwa differenti ħafna mill-football tradizzjonali. Għandu l-isfidi tiegħu, kemm teknikament kif ukoll fiżikament, minħabba r-ramel u l-mod kif trid tilgħab. Trid titfa’ qalbek kollha biex tilgħab dan l-isport,” qalet Shakira.
Birkirkara waslu għal dan is-suċċess wara snin ta’ ħidma u żvilupp. “Bdejna minn pass żgħir ħafna. Konna Santa Margherita, wara St George’s Beach Soccer u issa qegħdin nirrappreżentaw lil Birkirkara. Dan kollu juri kemm il-familja tagħna kompliet tikber. Dejjem naħdmu għal dak li jmiss u nippruvaw intejbu lilna nfusna.”
Il-finali kontra Sliema kienet waħda mimlija tibdiliet fl-iskor. Wara li Sliema marru fil-vantaġġ, Birkirkara wettqu reazzjoni qawwija fit-tieni sessjoni fejn Estefany Colmenarez skorjat tliet gowls. Madankollu, il-partita baqgħet miftuħa sal-aħħar, biż-żewġ timijiet li riedu jirbħu.
“Meta tkun finali qatt ma tkun faċli. Kien hemm ħafna emozzjonijiet u pressjoni, iżda aħna komplejna nemmnu fina nfusna sal-aħħar. Il-fatt li ma qtajniex qalbna u bqajna niġġieldu wera l-karattru tat-tim.”
Għal Shakira, wieħed mill-akbar punti ta’ saħħa ta’ dan it-tim hu l-għaqda li teżisti bejn il-plejers. Hija temmen li s-suċċess ma wasalx biss minħabba t-talent individwali, iżda minħabba l-ħidma kollettiva u l-appoġġ li kull waħda tagħti lil oħra. “Aħna mhux biss grupp ta’ plejers, imma familja. Nafu li kull waħda mill-plejers tagħna għandha rwol importanti u meta nkunu flimkien nistgħu negħlbu kull ostaklu. Kull taħriġ, kull sagrifiċċju u kull mument diffiċli jagħmlu dan is-suċċess aktar speċjali.”
Hija żiedet li r-rebħiet konsekuttivi jagħtu aktar motivazzjoni lit-tim biex ikompli jikber u jfittex sfidi ġodda fil-futur.
Wara li l-ħin barrani ma pproduċiex gowl ieħor, il-logħba kellha tiġi deċiża bil-penalties. Kien hemmhekk li Birkirkara żammew il-kalma tagħhom u ħarġu rebbieħa.
“Meta tasal għall-għoti tal-penalties kollox jista’ jiġri. Irid ikollok il-kuraġġ u l-fiduċja fik innifsek u fi sħabek. Kien mument ta’ tensjoni kbira, imma fl-aħħar ħadna dak li konna ħdimna għalih.”
Għal Shakira, li ġiet magħżula wkoll bħala l-aqwa plejer tal-kampjonat femminili għat-tieni sena konsekuttiva, il-fatt li tmexxi lit-tim bħala captain hu unur kbir.
“Inħossni kburija ħafna u grata tal-fiduċja li ngħatatli. Li tkun captain hija responsabbiltà kbira, imma fl-istess ħin huwa unur. Nipprova dejjem inkun ta’ eżempju u ngħin lit-tim kemm ġewwa kif ukoll barra l-grawnd.”
It-tim issa għandu wkoll ir-responsabbiltà li jġorr l-isem ta’ Birkirkara, klabb b’aspettattivi kbar fl-isport Malti.
“Huwa unur kbir li nirrappreżentaw lil Birkirkara. Nafu li hemm aspettattivi kbar anke aktar tard meta se nkunu qed nilagħbu fil-kampjonat tan-nisa tal-futsal, iżda narawha bħala motivazzjoni biex nagħtu l-aħjar tagħna f’kull logħba. Irridu nkomplu naħdmu u nuru li ħaqqna din il-fiduċja.”
Meta titkellem dwar id-differenzi bejn il-Beach Soccer, il-Futsal u l-Futbol, Shakira tispjega li kull dixxiplina sportiva għandha l-karattru tagħha.
“Il-Beach Soccer huwa aktar intensiv u tekniku minħabba r-ramel. Kull moviment ikun differenti u trid tadatta malajr. Il-Futsal huwa mgħaġġel ħafna u jgħin fit-teknika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li l-football għandu aspett tattiku aktar estensiv. Jien nieħu gost nilgħabhom it-tlieta, iżda l-football dejjem se jkollu post speċjali f’qalbi.”
Għat-tfajliet li jixtiequ jibdew jilagħbu Beach Soccer, Shakira għandha messaġġ ċar.
“Jiena nħeġġiġhom jippruvaw mingħajr biża’. B’xogħol, dedikazzjoni u perseveranza jistgħu jaslu fejn jixtiequ. L-iktar ħaġa importanti hi li jieħdu gost, jemmnu fihom infushom u qatt ma jaqtgħu qalbhom.”
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Shakira għamlet ringrazzjament lil dawk kollha li kienu parti minn dan is-suċċess.
“Nixtieq nirringrazzja lill-kowċis tagħna li qatt ma qatgħu qalbhom minna u li dejjem emmnu fina mill-ewwel ġurnata. Grazzi wkoll lil sħabi tat-tim, lill-familja tiegħi, lill-partitarji u lil kull min emmen fina.”
“Ringrazzjament speċjali jmur ukoll lill-istaff kollu ta’ wara t-tim, u b’mod partikolari lil Robert Teuma. Huwa pilastru importanti għal dan it-tim. Jagħti qalbu kollha biex ikollna dak kollu li għandna bżonn u l-akbar sodisfazzjon tiegħu hu li jara lill-plejers kuntenti u lit-tim jirnexxi.”
Għal Birkirkara Beach Soccer, dan is-suċċess mhux biss huwa rebħa oħra fit-trofew, iżda konferma ta’ proġett li qed ikompli jikber u jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fix-xena tal-Beach Soccer Malti.

