Tuesday, July 7, 2026

‘Naħseb li kellna Kampjonat tad-Dinja tajjeb … dejjem jista’ jsir aħjar, iżda rridu nħarsu wkoll lejn il-progress li għamel dan il-grupp’ – Nicolas Hernan Chiesa

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

L-isem ta’ Nicholas Hernan Chiesa forsi mhux magħruf daqs dak ta’ xi kowċis oħra, iżda l-karriera tiegħu fil-futbol hija waħda mimlija esperjenzi internazzjonali. L-italo-Arġentin ta’ 46 sena, li twieled fi Buenos Aires, bħalissa huwa l-assistant coach tat-tim nazzjonali tal-Ekwador taħt Sebastián Beccacece. Din kienet it-tieni Tazza tad-Dinja konsekuttiva tiegħu fuq il-bank tal-Ekwador, wara li kien diġà serva bħala assistent ta’ Gustavo Alfaro fil-Qatar.

Qabel daħal fid-dinja tal-kowċing, Chiesa kellu karriera twila bħala player, l-aktar fl-Italja fejn kiseb ħames promozzjonijiet mis-Serie D għas-Serie C. Fost it-timijiet li lagħab magħhom insibu Pisa, Brindisi, Martina Franca u Lupa Roma. Hu lagħab ukoll ma’ Floriana FC fejn kiseb esperjenzi oħra importanti. Wara li rtira fl-2017, beda l-karriera tiegħu bħala kowċ, fejn ħadem ukoll ma’ Carlos Tevez ma’ Independiente qabel ingħaqad mal-istaff tekniku tal-Ekwador bħala assistant coach.

Meta tkellimna miegħu, Chiesa spjega kemm kienet importanti għalih din l-esperjenza internazzjonali.

“Ilni sentejn naħdem mal-Ekwador. Din kienet it-tieni Tazza tad-Dinja tiegħi u kull waħda tagħtik tagħlim differenti. Naħdem mill-qrib ma’ Sebastián Beccacece u nħoss li kuljum nitgħallem xi ħaġa ġdida. Huwa kowċ li jagħti importanza kbira lid-dettall u lill-organizzazzjoni.”

Huwa qal li, minkejja li l-Ekwador ma rnexxilux javvanza aktar fil-kompetizzjoni, hemm ħafna aspetti pożittivi x’jieħdu magħhom.

“Naħseb li kellna Kampjonat tad-Dinja tajjeb. Dejjem jista’ jsir aħjar, iżda rridu nħarsu wkoll lejn il-progress li għamel dan il-grupp. Ir-rebħa kontra l-Ġermanja kienet waħda storika għalina. Min-naħa l-oħra, iddispjaċieni ħafna bit-telfa kontra l-Messiku għax ħassejna li stajna nagħmlu aktar.”

Chiesa qabbel ukoll l-esperjenza ta’ din is-sena ma’ dik tal-Qatar.

“Fil-Qatar kellna skwadra ħafna iżgħar fl-età. Illum dawn il-plejers kibru, kisbu aktar esperjenza u qed jifhmu aħjar il-livell internazzjonali. Dan huwa proċess. Kultant anke l-polza tal-gruppi tagħmel differenza. Pereżempju, kontra l-Messiku kellna ambjent kompletament favurihom u dan jinfluwenza l-logħba.”

L-ewwel partita tal-Ekwador kienet kontra l-Kosta tal-Avorju, fejn sofrew telfa minima ta’ 1-0.

“Dik kienet logħba li tassew ħallietna diżappuntati. Ilqatna żewġ lasti u fallejna diversi opportunitajiet ċari. Fit-tieni taqsima għamilna xi bidliet u tjiebna ħafna. Onestament kienet partita li kellha tintemm f’parità.”

Anke kontra Curaçao l-Ekwador iddomina, iżda spiċċa b’riżultat ta’ 0-0.

“Kellna madwar 25 xutt lejn il-lasta. Il-goalkeeper tagħhom għamel numru ta’ saves straordinarji u donnu ma riedx jidħol il-ballun. Għamilna minn kollox biex nirbħu dik il-logħba. Xi kultant fil-futbol jiġri hekk. Ma naħsibx li kien hemm nuqqas ta’ prestazzjoni, iżda sempliċement fallejna l-gowl.”

Naturalment, il-partita li tibqa’ l-aktar memorabbli kienet dik kontra l-Ġermanja.

“Konna nafu li biex nibqgħu ħajjin fil-kompetizzjoni kellna nirbħu. Il-Ġermanja hija waħda mill-aqwa nazzjonijiet fid-dinja. Kien hemm ukoll temperatura għolja ħafna, iżda ppreparajna pjan tattiku intelliġenti. Konna nafu fejn stajna nweġġgħuhom u l-plejers wettqu dak kollu li ħdimna fuqu. Irbaħna 2-1 b’gowl minn sitwazzjoni ta’ ballun wieqaf u kienet rebħa storika għall-Ekwador.”

Fil-konfront deċiżiv kontra l-Messiku, iżda, waslet l-eliminazzjoni.

“Huma bdew b’ritmu qawwi ħafna, speċjalment għax prattikament kienu qed jilagħbu f’darhom. Wara l-bidu diffiċli rnexxielna norganizzaw ruħna mill-ġdid u kellna aktar pussess tal-ballun. Fil-fatt kellna madwar 70 fil-mija tal-pussess, iżda ma rnexxilniex niskorjaw. Ħriġna b’rashom mgħollija.”

Meta staqsejnieh min jara favorit biex jirbaħ it-Tazza tad-Dinja, ma ħasibx darbtejn.

“Jiena Arġentin u għalhekk ngħid l-Arġentina,” qal bid-daħka. “Iżda naħseb li Spanja u Franza huma wkoll fost l-aktar timijiet b’saħħithom u jistgħu jaslu sal-aħħar.”

Naturalment ma setax jonqos il-paragun bejn Lionel Messi u Diego Armando Maradona.

“Messi huwa wieħed mill-akbar plejers fl-istorja tal-futbol. Dak li qed jagħmel ta’ 39 sena huwa inkredibbli u ftit li xejn rajna plejer ieħor jagħmlu. Madankollu, għalija Diego Maradona jibqa’ simbolu u ispirazzjoni. Messi jista’ jkun l-aqwa plejer li rajna, iżda Maradona dejjem jibqa’ figura speċjali għall-Arġentini.”

Matul il-karriera tiegħu Chiesa għex ukoll Malta u lagħab ukoll ma’ Floriana u għadu jsegwi mill-qrib il-futbol Malti.

“Inħobb ħafna lil Malta. Huwa pajjiż li għadni nġorr f’qalbi. Insegwi lil Floriana u nħares ukoll lejn il-logħbiet tat-tim nazzjonali Malti u nsegwi diversi plejers li kelli x-xorti nħarreġ.”

Skontu, Malta għandha l-potenzjal li tagħmel qabża importanti fil-futur.

“Nemmen tassew li Malta tista’ tasal sal-Kampjonat Ewropew. Mhijiex ħolma impossibbli. Imma hemm bżonn proġett fit-tul, paċenzja u investiment fil-plejers iż-żgħar. Il-futbol illum qed jinbidel kontinwament u naħseb li b’organizzazzjoni tajba Malta tista’ tilħaq dan il-livell.”

Bħalissa l-kuntratt tiegħu mal-Ekwador wasal fi tmiemu, u qed jaħseb dwar il-pass li jmiss.

“Qed nieħu ftit taż-żmien biex nevalwa l-futur tiegħi. Nista’ nibqa’ bħala assistent, iżda hemm ukoll il-possibbiltà li fil-futur insir kowċ ewlieni. Irrid nagħmel l-aħjar għażla possibbli. U għaliex le? Xi darba nixtieq ħafna naħdem f’Malta.”

Qabel temm l-intervista, Chiesa tkellem ukoll dwar Carlos Tevez, li miegħu ħadem f’Independiente.

“Carlos huwa aktar minn kollega. Huwa ħabib kbir u mexxej naturali. Tgħallimt ħafna minnu. Għandu esperjenza enormi bħala plejer u jaf kif jittrasmettiha lill-grupp. Il-ħin li qattajna naħdmu flimkien kien wieħed mill-aktar importanti fil-karriera tiegħi.”

B’esperjenzi li jvarjaw mill-kampjonati Taljani sal-ogħla livell internazzjonali, Nicholas Chiesa jkompli jibni reputazzjoni ta’ kowċ dedikat u ambizzjuż. Issa li jinsab quddiem deċiżjoni importanti dwar il-futur tiegħu, jibqa’ miftuħ għal sfidi ġodda u fosthom ma jeskludix ritorn lejn Malta, pajjiż li għadu jħossu qrib ħafna ta’ qalbu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport