L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex tfaħħar lill-għaddasa u lill-Pulizija wara l-arrest ta’persuna suspettata b’serq minn vetturi

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex (GTA) tixtieq tfaħħar lill-grupp ta’ għaddasa li assistew sabiex individwu li nqabad jisraq mill-vetturi tagħhom f’Għawdex, kif ukoll lill-Korp tal-Pulizija ta’ Għawdex għar-rispons pront u l-arrest li segwa.

Dan hekk kif il-Ħadd li għadda f’Cathedral Cave f’Wied il-Għasri, ġie arrestat raġel b’rabta ma’ serq ripetut.  L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex tesprimi l-apprezzament tagħha lejn l-għaddasa li l-viġilanza u l-azzjonijiet ċiviċi tagħhom ikkontribwew għall-intervent b’suċċess.

L-azzjonijiet tagħhom juru s-sens qawwi ta’ komunità li jeżisti fis-settur tal-għadis f’Għawdex u għenu biex jiġu evitati aktar telfiet kemm għall-viżitaturi kif ukoll għall-għaddasa lokali.

L-Assoċjazzjoni ilha żmien twil tappella għal miżuri ta’ sigurtà aktar b’saħħithom tul il-kosta u għal darb’oħra tħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jinstallaw sistemi ta’ sorveljanza CCTV f’siti ewlenin tal-għadis madwar il-kosta Għawdxija. 

Il-GTA qalet li miżuri bħal dawn iservu bħala deterrent effettiv kontra l-attività kriminali u jgħinu biex tiġi mħarsa s-sigurtà kemm tar-residenti kif ukoll tal-viżitaturi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport