Fl-ewwel 100 jum tal-Gvern, aktar minn 2,000 persuna diġà ngħataw taħriġ dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, b’investiment li qed iwassal għal aktar għarfien, prevenzjoni u protezzjoni fost il-ħaddiema, dawk li jaħdmu għal rashom, min iħaddem u l-voluntiera.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Dr Jonathan Attard waqt rendikont tal-ħidma li saret b’riżultat tal-miżuri tal-Baġit 2026, partikolarment il-Miżuri 136 u 137, li permezz tagħhom il-Gvern alloka €400,000 fuq 24 xahar biex l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) tipprovdi taħriġ bla ħlas.
Din il-miżura tal-manifest kienet għodda importanti ta’ kif il-protezzjoni offruta fil-liġi l-ġdida verament wasslet biex tissarraf fi standards ogħla għall-ħaddiema kollha f’varji setturi, inkluż il-volontarjat.
Il-Ministru Attard saħaq li r-rispons qawwi juri kemm hemm domanda għal aktar għarfien u kompetenza dwar is-saħħa u s-sigurtà, u kemm dan is-suġġett huwa rilevanti għal kull settur tas-soċjetà.
“Filwaqt li fis-snin preċedenti l-korsijiet speċjalizzati tal-OHSA kienu jilħqu medja ta’ ftit aktar minn 150 persuna fis-sena, f’dawn l-aħħar tliet xhur diġà ngħata taħriġ lil 2,000 persuna. Barra minn hekk, aktar minn 800 persuna oħra huma diġà rreġistrati għal sessjonijiet ta’ taħriġ sal-aħħar tas-sena, b’57 sessjoni skedata u l-possibbiltà li jiżdiedu aktar”, kompla jgħid il-Ministru Attard.
L-inizjattiva qed tagħti aċċess usa’ għal taħriġ speċjalizzat kemm dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol kif ukoll dwar is-saħħa mentali.
It-taħriġ qed jilħaq intrapriżi żgħar, persuni li jaħdmu għal rashom, ħaddiema fis-setturi tal-avjazzjoni, kostruzzjoni, manifattura, ħwienet, ristoranti u lukandi, kif ukoll is-setturi tal-kura u l-benesseri. Qed jibbenefikaw ukoll organizzazzjonijiet volontarji, NGOs, kunsilli lokali, entitajiet tal-Knisja u għaqdiet li jorganizzaw attivitajiet fil-komunità.
“Il-ħidma tagħna ma tiqafx mal-ewwel 100 jum; se nkomplu nwettqu l-impenji tagħna, inwessgħu l-aċċess għat-taħriġ u nindirizzaw ir-riskji ta’ postijiet tax-xogħol li qed jevolvu, għax is-saħħa u s-sigurtà huma responsabbiltà ta’ kulħadd”, qal il-Ministru Attard.
Il-Gvern qed jinvesti wkoll fit-taħriġ tal-voluntiera. Permezz ta’ taħriġ bażiku dwar is-saħħa u s-sigurtà, il-voluntiera jkunu jistgħu jwettqu l-proġetti u l-attivitajiet tagħhom b’aktar għarfien u preparazzjoni, inkluż fl-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riskji.
Minn naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Dr Josianne Cutajar saħqet li xogħol volontarju ma jfissirx xogħol mingħajr riskju, u għalhekk kull persuna li tkun involuta f’attività jew proġett għandha tkun konxja tar-riskji u tkun ippreparata biex tħares is-saħħa u s-sigurtà tagħha u ta’ dawk ta’ madwarha.
“L-inawgurazzjoni taċ-Ċentru ta’ taħriġ tal-OHSA fl-2025 kien pass importanti fil-ħidma tagħna biex inkomplu nsaħħu l-kultura ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Se nkomplu ninvestu f’taħriġ aktar prattiku u speċjalizzat, sostnut mir-riċerka u mill-għarfien tekniku tagħna, filwaqt li nħaddnu metodi innovattivi, inkluż l-intelliġenza artifiċjali, biex inkomplu nwasslu taħriġ ta’ kwalità li jwieġeb għall-ħtiġijiet ta’ dinja tax-xogħol li qed tinbidel”, qalet Dr Cutajar.
Filwaqt li ntwera filmat b’numru ta’ testimonjanzi rigward il-benefiċċji ta’ dan it-taħriġ, il-Kummissarju għaż-Żgħażagħ u l-Iżvilupp tal-Iscouts s-Sur Daniel Cassar, preżenti b’mod fiżiku għall-konferenza, esprima s-sodisfazzjon tal-mod kif dan it-taħriġ kien strumentali għall-adulti fl-organizzazzjoni imma daqstant importanti fuq livell usa’ u l-edukazzjoni li huma joffru lil dawk kollha li jiffurmaw parti mill-komunità tagħhom.
Preżenti għall-konferenza kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru s-Sur Ronald Mizzi, ic-Chairman tal-bord tal-OHSA s-Sur Pierre Fava u varji stakeholders u organizzazzjonijiet li pparteċipaw fit-taħriġ offrut.


