Il-Ġimgħa filgħaxija, lejlet il-festa ta’ Santa Marija, l-Arċisqof Charles Scicluna mexxa l-quddiesa tal-Vġili fil-Katidral tal-Imdina. Fl-omelija tkellem dwar ir-relazzjoni speċjali bejn Marija u Ġesù, u kif il-festa tal-lum hija wkoll stedina għal kull Nisrani biex jgħix bit-tama tal-ħajja ta’ dejjem. L-Arċisqof qal li din il-festa tfakkarna li Marija, bħal Ġesù, ma kellhiex tispiċċa fit-taħsir tal-qabar.
Filwaqt li Kristu qam mill-mewt bil-qawwa tiegħu bħala l-Iben ta’ Alla, Marija “għaddiet minn din il-ħajja għall-ħajja ta’ dejjem fil-glorja” bil-qawwa ta’ Binha. Għalhekk, il-qabar ta’ Kristu u dak ta’ Marija jiġu ppreżentati bħala “bieb għan-nuqqas ta’ taħsir, bieb għar-rebħa”.
L-Arċisqof stieden lil kull bniedem biex matul ħajtu qatt ma jinsa li għandu destinazzjoni, u biex dejjem jgħożż f’qalbu x-xewqa għall-ġenna. Għalhekk, saħaq l-Arċisqof Scicluna, il-festa tal-Assunta, mhix biss tifkira ta’ dak li ġara lil Marija, iżda sinjal ta’ tama għalina lkoll: “Dan huwa sinifikat profond tal-festa tal-lum: li aħna u nħarsu lejn Sidtna Marija fil-glorja, Assunta, meħlusa mit-taħsir tal-qabar, glorjuża u sabiħa, nixxenqu għall-ġenna.”
Hu temm jgħid li filwaqt in-Nisrani għandu jgħix bl-għatx għall-ġenna, għandu japprezza u ma jinsiex li l-ħajja fuq din l-art “hija l-għatba tal-ġenna”.

