Monday, August 17, 2026
Home Bloggers IL-GWU U L-ĦADDIEMA BARRANIN

IL-GWU U L-ĦADDIEMA BARRANIN

0
2

Il-General Workers Union ħaqqha kull foħrija għall-ħidma li qed twettaq biex tħares l-interessi tal-ħaddiema barranin f’pajjiżna. Hi ħidma meħtieġa jekk bħala pajjiż, tassew nemmnu fil-ġustizzja soċjali, quddiem l-esplojtazzjoni u d-diskriminazzjoni li ta’ spiss iseħħu kontra dawn il-ħaddiema. Aktar u aktar għax il-klima ta’ preġudizzju li teżisti donnha tinkoraġġixxi l-fehma li t-trattament ħażin tal-barranin fostna m’għandux jitqies bħala problema.

Bil-ħidma tagħha, il-GWU qed tagħti xhieda tal-eżistenza tal-problema u qed turi ruħha aġent effettiv biex twittiha. F’dan, hu xieraq li tingħata appoġġ mis-servizzi tal-gvern kif ukoll mir-rappreżentanti tas-sidien privati. Is-suċċess ekonomiku u l-modi kif noħolqu l-ġid m’għandhom bl-ebda mod jistrieħu fuq l-esplojtazzjoni.

Min jitħajjar jgħid li l-aqwa dmir tal-GWU hu li tħares l-interessi tal-ħaddiema Maltin irid jifhem li bid-difiża tal-ħaddiema barranin, l-unjin tkun qed tagħmel preċiżament dan. B’barranin bla ħarsien xieraq kull fejn jaħdmu, min iħaddem ikun jista’ joffri kondizzjonijiet ta’ xogħol anqas tajba lill-istess Maltin. 

BLAT BLA DELL 

Snin twal ilu, l-ħabib tiegħi Lino Farrugia, kiteb dramm imsejjaħ Blat bla Dell. Ta’ spiss niftakar f’dan it-titolu meta naqra dwar – u nara jiġri – kif siġar jinqalgħu biex minn fejn ikunu jgħaddu toroq ġodda jew jinbnew lukandi u appartamenti. Fi żmien meta t-tibdil fil-klima qed iġib firxiet ta’sħana dejjem akbar u itwal, ma jagħmilx sens li l-effetti ambjentali li jistgħu jrażżnuha jitwarrbu. 

Mhux f’Malta biss imma kull fejn il-ħdura naturali tisponta, mill-Amazon sal-Kalahari, il-blat ma jagħmilx dell. Għandna aktar minn biżżejjed minnu, waqt li siġar għandna ħafna anqas. 

INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI

Ħafna aspetti ta’ kif qed jiżviluppa s-settur tal-intelliġenza artifiċjali huma impressjonanti – il-modi kif il-bidliet innovattivi jseħħu b’ħeffa li dejjem tiżdied, kif qed jinbidlu mill-qiegħ il-perspettivi f’oqsma ewlenin tal-ekonomija u s-soċjetà, u fil-konsegwenzi tal-IA fil-ħajja tal-bnedmin.

Għal xi wħud, l-aktar li jqanqal interess hu l-impatt finanzjarju – il-biljuni fuq biljuni ta’ dollari li qed imorru fuq investimenti fl-intelliġenza artifiċjali, il-ġirja għamja għax-xiri ta’ ishma f’kumpaniji li qed jagħmlu dawn l-investimenti u l-profitti mistennija minn dan-negozju. M’inix daqstant impressjonat b’dan – aktar naqbel max-xettiċi li qed jistennew li l-bużżieqa finanzjarja tinfaqa’. Sa issa l-kumpaniji li qed jinvestu fis-settur għad iridu jibdew jagħmlu profitti serji.

Dan ma jfissirx li l-intelliġenza artifiċjali se tkun riħ bla xita. Bil-maqlub: qed tibdel radikalment il-mod kif ngħixu – kif nikkomunikaw ma’ xulxin, kif nifhmu u nemmnu lilna nfusna u lil għajrna, kif nafdaw lil ħaddieħor. L-impatt tal-IA f’das-sens mhux biss impressjonanti – hemm raġuni għaliex tista’ tqisu b’ċerta biża’.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here