L-Astronawti Butch Wilmore u Suni Williams waslu lura fid-dinja wara kważi 9 xhur maqbudin fl-ispazju. Huma kienu marru fl-ispazju għal ftit jiem biss, iżda l-vettura li kellha tniżżilhom lura għamlet il-ħsara u spiċċaw weħlu hemm.
Id-Deputat Amministratur tan-Nasa Joel Montalbano qal li hija xi ħaġa sabiħa mmens li wara dawn ix-xhur kollha Butch u Suni jinsabu lura fostna.
Damu biex waslu lura 17-il siegħa u niżżlu qrib il-kosta ta’ Florida. Wara ħarġu għalihom bil-bastimenti biex ittellgħu l-art.
Rapporti fil-midja qegħdin jgħidu li huma jridu xhur biex jerġgħu jaddottaw għal gravità tad-dinja. Dan minħabba li fl-ispazju s-sitwazzjoni hija kompletament differenti minn dik tad-dinja.
Fil-fatt Suni qabel ma telqet mill-Istazzjoni Spazjali Internazzjonali qalet li hekk kif tasal lura fid-dinja trid terġa’ titgħallem timxi.