Tuesday, April 23, 2024

L-ebda funeral statali għall-Kardinal George Pell

Aqra wkoll

Il-Kardinal Awstraljan George Pell, li nstab ħati iżda mbagħad ġie lliberat fuq akkużi ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal, mhux se jsirlu funeral statali fl-istat tal-oriġini tiegħu biex tkun evitata t-tbatija għall-vittmi ta’ abbuż. Qal dan il-Prim Ministru tal-istat ta’ Victoria. 

L-eks teżorier tal-Vatikan miet nhar it-Tlieta li għadda fl-età ta’ 81 sena. Huwa l-ogħla Kattoliku fl-Awstralja, u l-aktar qassis anzjan li qatt intbagħat il-ħabs għal reati sesswali fuq it-tfal. 

Il-funerali statali huma spiss offruti lil figuri pubbliċi notevoli fl-Awstralja. Iżda l-Prim Ministru ta’ Victoria, il-post fejn twieled il-Kardinal Pell u qatt madwar nofs il-karriera tiegħu, qal li l-ebda funeral bħal dan mhu se jsir. 

Daniel Andrews qal li wisq probabbli lanqas hu mhu se jattendi għall-funeral tiegħu. Uffiċjali fi New South Wales, fejn il-Kardinal serva bħala Arċisqof ta’ Sydney qalu wkoll li mhux se jattendu. 

Il-Prim Ministru tal-Awstralja Anthony Albanese wkoll naqas milli jgħid jekk hux se jattendi għall-funeral tal-Kardinal. 

Tul il-karriera tiegħu mifruxa fuq sitt diċennji, il-Kardinal Pell huwa serva bħala Arċisqof kemm ta’ Melbourne kif ukoll ta’ Sydney, qabel ma sar wieħed mill-assistenti tal-Papa.

Huwa ġie msejjaħ Ruma fl-2014 biex jieħu ħsieb il-finanzi tal-Vatikan, u spiss kien deskritt bħala t-tielet l-akbar uffiċjal tal-Knisja. Iżda huwa ħalla l-kariga tiegħu fl-2017, u mar lura l-Awstralja biex jiffaċċja proċess fuq akkużi ta’ abbuż sesswali tat-tfal.

Fl-2018, il-ġurati sabu li huwa kien abbuża minn żewġ subien waqt li kien Arċisqof ta’ Melbourne fid-disgħinijiet. Il-Kardinal Pell, li dejjem enfasizza l-innoċenza tiegħu, qatta’ 13-il xahar ħabs qabel il-Qorti Għolja tal-Awstralja annullat il-verdett fl-2020, u sabet li l-ġurija ma kinitx ikkunsidrat sew l-evidenza kollha fil-ġuri tiegħu.

Sport