Saturday, May 4, 2024

L-ebda player mhux vaċċinat m’hu se jitħalla jieħu sehem fl-Australian Open

Aqra wkoll

Il-Premier ta’ Victoria, Daniel Andrews, qal li l-gvern tiegħu mhux se japplika għal permessi ta’ vjaġġar biex jippermetti li players tat-tennis mhux imlaqqma jikkompetu fl-Australian Open fl-istat  tiegħu wara li l-Prim Ministru, Scott Morrison, indika li se jitħallew jidħlu fil-pajjiż.

Morrison qal aktar kmieni nhar l-Erbgħa li players mhux imlaqqma jkunu ħielsa li jikkompetu fil-Grand Slam wara li jkunu għaddew minn kwarantina ta’ ġimagħtejn għall-Co­vid-19 sakemm Victoria, li tospita t-tournament f’Melbourne, applikat għal permessi għalihom.

Andrews qal li l-istat tiegħu ma kienx se jagħmel tali applikazzjonijiet.

“F’isem kull Victorjan imlaqqam li għamel l-affarijiet taj­jeb, il-gvern tiegħi mhux se jkun qed japplika għal eżenzjoni għal xi player mhux imlaqqam,” huwa qal lill-ġurnalisti.

“Jekk ma napplikawx għal eżenzjoni, allura ma tingħata l-ebda eżenzjoni u allura l-kwistjoni kollha hija bażikament solvuta.”

Il-fruntieri tal-Awstralja ġew issiġillati b’mod effettiv għal 18-il xahar minħabba l-pandemija tal-Covid-19, għalkemm l-awtoritajiet japprovaw eżenzjonijiet tal-ivvjaġġar għal każijiet speċjali.

Victoria kien l-iktar stat milqut fl-Awstralja, bil-kapitali tagħha, Melbourne, tidħol sitt darbiet f’lockdown bl-aħħar waħda ntemmet nhar il-Ġimgħa, iżda biss għall-adulti kompletament imlaqqma.

Adulti mhux imlaqqma jibqgħu pprojbiti mill-pubs, ristoranti, avvenimenti sportivi u partijiet oħra tal-ekonomija, u jistgħu jibqgħu magħluqa sa sew fl-2022.

Il-pożizzjoni ta’ Victoria hija daqqa ta’ ħarta għal Tennis Australia li huma l-organizzaturi tal-ewwel Grand Slam tas-sena, li jridu l-aqwa players jieħdu sehem fit-tournament ta’ Jannar.

Uħud mill-aqwa players, inkluż iċ-champion renjanti, is-Serb Novak Djokovic, irrifjutaw li jiżvelaw l-istatus tat-tilqim tagħhom. In-numru wieħed tad-dinja qal il-ġimgħa li għaddiet li jista’ ma jilgħabx fit-tournament, jekk “l-affari­jiet jibqgħu l-istess”.

L-atleti professjonali f’Victoria huma taħt mandat ta’ vaċċin, li jkopri wkoll coaches, uffiċjali, midja u staff ieħor involut f’kompetizzjoni tal-elite.

Andrews qal li l-players tat-tennis għandhom jinżammu għall-istess livell bħal kulħadd fl-avveniment.

“Mhux se neħtieġ li nies bilqiegħda fil-tribuna, nies li jaħdmu fl-avveniment, jitlaqqmu waqt li l-players ma jkunux,” huwa tenna.

Bħalissa madwar 70% tal-aqwa 100 players tat-tennis irġiel u nisa huma mlaqqma.

Jekk Djokovic jilgħab f’Melbourne Park huwa jkun favorit li jirbaħ rekord ta’ 21 titlu tal-Grand Slam tal-irġiel – u jinqata’ minn rabta ma’ Roger Federer u Rafael Nadal.

Sport