L-Eco-Kontribuzzjoni kienet tħabbret mill-Gvern u x-xogħol biex tagħti benefiċċju dirett lill-Kunsilli diġà beda

Aqra wkoll

Dwar l-Eco-Kontribuzzjoni, dak li qed jipproponi llum il-Partit Nazzjonalista kien diġà tħabbar mill-Gvern f’Mejju li għadda u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju ta’ din is-sena.

Bħalma qed jiġri fil-każ tal-kumplament tal-impenji elettorali, diġà beda x-xogħol tant li fil-futur qrib, il-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jaraw effett dirett mill-fondi ġġenerati mill-Eco-Kontribuzzjoni.

L-għan huwa li l-Eco-Kontribuzzjoni tħalli benefiċċju dirett u tanġibbli fil-lokalitajiet li minnhom tkun ġejja, b’aktar riżorsi li jkunu jistgħu jiġu investiti fl-indafa, fil-manutenzjoni u fit-titjib tal-ambjent urban, filwaqt li l-Kunsilli jkollhom aktar kapaċità biex jindirizzaw l-isfidi partikolari tal-komunitajiet tagħhom.

Għalhekk, ikun żbaljat li wieħed jippreżenta din il-proposta bħala xi ħaġa ġdida li qed jitlobha l-Partit Nazzjonalista. Dan il-Gvern diġà għamilha wegħda, diġà beda x-xogħol u se jkompli jwettaqha.

Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, diġà kellha diversi laqgħat mal-Kunsilli Lokali, mas-Sindki u mal-Kunsilliera sabiex jiġu identifikati l-isfidi partikolari tal-lokalitajiet u jiġu diskussi s-soluzzjonijiet meħtieġa. Dejjem kienet qrib, kellha l-laqgħat u ser tkompli tkun qrib tal-komunitajiet.

Qed tittieħed ukoll azzjoni dwar il-problema ta’ skart mormi illegalment, b’ħidma biex jissaħħaħ l-infurzar u jkun hemm aktar koordinazzjoni bejn l-entitajiet responsabbli u l-Kunsilli Lokali. Fejn ikun hemm każijiet ta’ abbandun ta’ skart, dawn qed jiġu identifikati u tittieħed l-azzjoni meħtieġa. Barra minn hekk qed isir ukoll kampanja ta’ edukazzjoni dwar dan, sabiex inkomplu nedukaw u noħolqu kuxjenza dwar l-importanza li tinżamm l-indafa fuq barra.

Il-messaġġ tal-Gvern huwa ċar: il-miżuri li diġà ttieħdu qed jagħtu sinjali pożittivi, iżda mhux se nieqfu hawn. Se nkomplu naħdmu mal-Kunsilli Lokali biex l-Eco-Kontribuzzjoni tagħti riżultat konkret fil-komunitajiet tagħna u biex l-isfidi tal-indafa jiġu indirizzati b’mod aktar effettiv.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport