Id-dinja għadha maħkuma, kif ilha għal dawn l-aħħar snin, minn bosta kriżijiet, l-aktar fis-settur tal-enerġija, kaġun taż-żewġ gwerer – bejn ir-Russja u l-Ukrajna u l-Istati Uniti u l-Iran li ħallew impatt negattiv mhux zgħir fuq l-ekonomija globali. Minkejja dawn il-kriżijiet, l-ekonomija Maltija għadha b’saħħitha tant li qed isservi ta’ wens akbar għall-familji Maltin u Għawdxin.
Dan kollu joħroġ mill-fatt li l-Gvern Laburista mhux biss ma naqqas xejn mill-miżuri soċjali kollha imma baqa’ għaddej itejjeb dan il-qasam tant li fi ftit xhur oħra, meta jasal il-qari tal-Budget fil-Parlament, huwa mistenni li jħabbar miżuri oħrajn fosthom dawk li se jagħmlu impatt għall-aħjar fuq il-kwalita tal-ħajja tan-nies.
Dawn il-miżuri soċjali, huma apparti l-garanzija li l-Prim Ministru ilu jagħti, li s-sussidju fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils, se jibqgħu stabbli u ma jogħlewx minkejja dak li għid il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll esponenti oħra politiċi f’pajjiżna li dejjem jisħqu li dawn is-sussidji ma jistgħux jibqgħu għal dejjem.
Il-wegħda tal-Gvern hi li dawn is-sussidji se jibqgħu sakemm l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ tiflaħ iġġorrhom sforz il-politika fiskali ideali li wasslet biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tkun kapaċi tilqa’ għad-daqqiet ekonomiċi li bosta minnhom jiġu bla mistenni. F’dan il-kuntest maa ninsewx ukoll li f’dan il-waqt għadhom jingħataw benefiċċji kollha fosthom il-COLA addizzjonali, żidiet fil-pensjonijiet bosta għajnuniet supplimentari kif ukoll finanzjarji lil min jaħdem fosthom bl-in-work benefit u r-rifużjoni tat-taxxa.
Il-Partit Nazzjonalista, ma jixbax jikkritika l-Gvern li kabbar id-dejn. Il-Partit Nazzjonalista ma jgħidx iżda li d-dejn pubbliku din is-sena mistenni jonqos għal 46.0% tal-Prodott Gross Domestiku, li hu ferm inqas mir-regoli stabbiliti tal-Unjoni Ewropea. Din hija xhieda ta’ kemm il-Gvern qed jibża’ għall-ekonomija tal-pajjiż billi mhux jipperikola s-sostenibiltà finanzjarja.
Dan kollu jrid jittieħed fil-kuntest ukoll li m’hawn l-ebda pajjiż fid-dinja b’xi mod m’għandux dejn pubbliku. L-importanti huwa li l-livell tad-dejn jinżamm taħt kontroll. Apparti hekk, id-dejn li għandu pajjiżna, fil-biċċa l-kbira tiegħu, huwa dejn lokali. Għalhekk, kif dejjem sħaqna, huwa tajjeb li l-Gvern ikompli jimplimenta miżuri fiskali għaqlin li jsostnu l-ekonomija tal-pajjiż u allura l-ġid tal-komunità inġenerali.




