“It-triq ’il quddiem hi li niltaqgħu madwar il-mejda tan-negozjati” 

- Lawrence Bugeja, Assistent Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa tal-GWU

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kwistjoni bejn il-GWU u Dar Emmaus

Il-General Workers’ Union għadha tinsisti li t-triq ’il quddiem fil-kwistjoni li għandha ma’ Dar Emmaus hi li jpoġġu madwar il-mejda tan-negozjati sabiex jaslu għal kompromess.

L-Assistent Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa tal-GWU Lawrence Bugeja, f’kummenti ma’ dan il-ġurnal, saħaq li l-union qed tisħaq biex ikun hemm djalogu mal-maniġment u “jirranġaw fejn ikun hemm bżonn.” 

Bugeja fakkar kif il-ħaddiema f’Dar Emmaus kienu avviċinaw lill-GWU u ġabu rikonoxximent trejdunjonistiku. “Imxejna mal-liġi. Id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) għaraf li għandna l-maġġoranza tal-membri u dħalna f’kuntatt mal-maniġment biex nibdew id-diskussjonijiet,” kompla jgħid l-Assistent Segretarju Bugeja. 

Huwa qal li minn dakinhar ’il quddiem, il-maniġment “ġab kull skuża” biex ma jiltaqax mal-GWU. Staqsa kif jista’ jkun li jkollok ħaddiema tgħidlu biex joqgħod ġewwa għall-brejk meta l-brejk ma jitħallasx.

“Dawk huma affarijiet li rridu nirranġaw. Tlabna għal laqgħa ta’ rikonċiljazzjoni, xorta baqgħu jgħidulna le. Ma kellniex triq oħra alternattiva ħlief li mmorru għall-azzjonijiet industrijali,” tenna Bugeja.

Min-naħa tiegħu, ir-rappreżentant tal-GWU għal Għawdex Jonathan J. Vella esprima t-tama li l-maniġment ta’ Dar Emmaus jersaq fuq il-mejda mal-union sabiex jibdew id-diskussjonijiet b’mod uffiċjali. Qal ukoll li f’każ ta’ “problemi rigward finanzi” dawn jiġu diskussi u jaraw x’inhi l-aħjar triq ’il quddiem. 

“Il-pakkett ma jinvolvix biss flus u finanzi imma anke kundizzjonijiet għall-ħaddiema. Rispett, drittijiet u dmirijiet. Nittamaw li fil-jiem li ġejjin il-maniġment ta’ Dar Emmaus ma jibqax iwebbes rasu li ma jridx jiltaqa’ magħna, iżda jiġi madwar il-mejda ħalli niddiskutu flimkien għall-ġid tal-ħaddiema u tar-residenti f’dik id-dar,” qal Vella. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport