Wednesday, April 24, 2024

L-eks Assistent Kap ta’ San Andrea jirreaġixxi għar-rapport tal-inkjesta pubblikat mill-iskola

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’reazzjoni għar-rapport tal-inkjesta ppubblikata mill-iskola San Andrea, l-eks Assistent Kap tal-Iskola Trevor Templeman fi stqarrija maħruġa mill-avukat tiegħu kkonferma li jilqa’ r-rapport minkejja li għad baqa’ ħafna x’jiġi ppubblikat.

L-istqarrija tgħid kif sa mill-ewwel ġurnata Templeman tkellem dwar bullying fit-tmexxija u li l-istess imġiba kienet ir-raġuni għalfejn hu ma kellux triq oħra għajr li jirreżenja.

Huwa jinnota wkoll kif fl-inkjesta appuntata, il-kundizzjonijiet fuq l-Imħallef Scicluna kienu li jinvestiga lil Templeman u l-azzjonijiet tiegħu minflok l-allegazzjonijiet dwar irregolaritajiet finanzjarji u dan saħansitra jingħad fl-istess rapport.

Fl-ittra mibgħuta mill-avukat ta’ Templeman intqal ukoll li hu kien prova jgħaddi l-informazzjoni li kellu fuq livell intern biex issir l-investigazzjoni, iżda minflok spiċċa żdied l-attakk fuqu. Barra minn hekk huwa jinnota li ma kienx għalih li avża lill-ġenituri bis-sitwazzjoni, kieku l-ebda rapport, konklużjoni jew rakkomandazzjoni ma kienet se titressaq mill-Imħalleg u mill-PWC.

L-avukat żied jgħid li l-klijent tiegħu jinnota wkoll li sal-lum, ir-rapporti ma ġewx ippubblikati fl-intier tagħhom u li l-iskola qiegħda tagħżel li tippubblika biss partijiet minnhom.

Rigward ir-rapport tal-PWC, Templeman laqa’ s-summarju tiegħu li beda fuq l-allegazzjonijiet tiegħu rigward l-eks chairperson Kevin Spiteri li permezz tal-kumpanija tiegħu KJM Enterprises Limited irċieva aktar minn €3 miljun mill-iskola u li tali trasferimenti kienu jgħaddu wara l-ħin tal-iskola, matul il-lejl u anke fi tmiem il-ġimgħa. 

Fl-aħħar l-istqarrija maħruġa mill-avukat ta’ Templeman tinnota li l-iskola qiegħda tagħżel li tagħti biss stampa selettiva ħafna tas-sitwazzjoni u li l-bqija tar-rapporti – inklużi s-sena 2021 u 2022 jeħtieġ li jagħtu stampa aktar ċara ta’ l-irregolaritajiet imsemmija minnu sa mill-ewwel ġurnata li sar jaf bihom. 

Sport