Friday, May 3, 2024

L-emenda legali favur il-ħajja u s-saħħa tal-mara tgħaddi għal stadju ta’ kumitat

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bi 42 favur u 34 kontra, fil-Parlament ġie approvat mit-Tieni Qari l-Abbozz ta’ Liġi maħsub biex jagħti protezzjoni lit-tobba u lill-mara f’każ ta’ kumplikazzjonijiet waqt it-tqala li jpoġġulha ħajjitha f’periklu jew saħħitha f’riskju. 

Preżenti għall-votazzjoni kien hemm tliet Deputati neqsin; tnejn min-naħa tal-Gvern u ieħor min-naħa tal-Oppożizzjoni. Kif tħabbar sa minn kmieni filgħodu f’post fuq il-midja soċjali, il-Partit Nazzjonalista ivvota kontra din l-emenda b’dak li hu sejjaħ bħala “vot favur il-ħajja”.

Lejn tmiem is-seduta, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ippropona li dan l-abbozz ta’ liġi issa jgħaddi quddiem il-Kumitat tal-abbozzi ta’ Liġijiet għall-istadju li jmiss.

Permezz ta’ din l-emenda, qed tiġi ċċarata l-pożizzjoni legali tat-tabib u tal-omm f’ċirkostanzi fejn it-tqala twassal biex l-omm tħabbat wiċċha ma’ kumplikazzjoni medika serja. 

Il-Gvern ħabbar li se jressaq din l-emenda fil-Kodiċi Kriminali li se tippermetti lit-tobba li meta jitterminaw tqala minħabba raġunijiet mediċi fuq l-omm, ma jittieħdu l-ebda passi kriminali kontrihom, fis-16 ta’ Novembru li għadda. Dan kien tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg. 

L-emenda tressqet għall-ewwel qari fil-Parlament fil-21 ta’ Novembru u l-ġimgħa ta’ wara għaddiet għall-istadju tat-Tieni Qari. Għal jiem sħaħ, il-Parlament iddiskuta din l-emenda proposta, bin-naħa tal-Gvern tisħaq kif din ir-riforma hija waħda bżonjuża, filwaqt li n-naħa l-oħra tal-Kamra kkritikat din l-emenda u saħansitra ddeskrivewha bħala l-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna.  

Sport