Wednesday, March 5, 2025

L-Emirates u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu jiffurmaw sħubija strateġika biex itejbu t-turiżmu lejn Malta

Aqra wkoll

L-Emirates, l-akbar linja tal-ajru internazzjonali fid-dinja, iffirmat Memorandum ta’ Ftehim mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) biex jikkollaboraw f’inizjattivi ta’ marketing li jsostnu t-turiżmu lejn Malta.

L-MoU kien ffirmat minn Thierry Aucoc, Viċi President tal-Emirates, Operazzjonijiet Kummerċjali (Punent) Ewropa u l-kontinent Amerikan, u Carlo Micallef, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-MTA waqt l-ITB Berlin, l-esibizzjoni kummerċjali  dwar l-ivjaġġar ewlenija fil-Ġermanja. Għaċ-ċerimonja tal-iffirmar attendew ukoll uffiċjali għolja miż-żewġ organizzazzjonijiet.

Permezz ta’ din is-sħubija strateġika, l-Emirates se tisfrutta n-netwerk espansiva globali tagħha biex tippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni ewlenija tal-ivjaġġar u d-divertiment. Inizjattivi ewlenin se jinkludu żjarat ta’ familjarizzazzjoni għall-midja minn swieq partikolari bl-għan li jitfgħu dawl fuq l-attrazzjonijiet uniċi ta’ Malta u bħala tarġa għall-Mediterran. Iż-żewġ entitajiet se jesploraw aktar kampanji konġunti ta’ reklamar u kollaborazzjonijiet ma’ operaturi turistiċi u aġenti tal-ivvjaġġar biex jiżviluppaw pakketti promozzjonali attraenti.

04 MAR 2025, BERLIN/GERMANY: Emirates Airlines, ITB Berlin IMAGE: 20250304-01 RIGHTS OF USE / COPYRIGHT: Unlimited rights of use in all media (print and online) of Emirates AIrline and the right to transmit this rights to third parties.

Adnan Kazim, Deputat President u Kap Uffiċjal Kummerċjali tal-Emirates, stqarr: “Malta ilha destinazzjoni ewlenija fin-netwerk Ewropea tal-Emirates għal aktar minn għoxrin sena, u tul is-snin rajna l-popolarità tagħha bħala destinazzjoni għall-vjaġġi ta’ divertiment dejjem tikber. Dan il-ftehim jafferma mill-ġdid l-impenn tagħna li nappoġġaw l-industrija tat-turiżmu ta’ Malta billi nisfruttaw il-firxa globali tagħna biex inkomplu nsaħħu l-ivvjaġġar lejn Malta.

Is-servizz tagħna ta’ kuljum, operat minn ajruplan tal-għamla Boeing 777-300ER – l-akbar ajruplan tal-passiġġieri li jaqdi din id-destinazzjoni b’mod skedat – jiżgura li l-passiġġieri jgawdu l-prodotti u s-servizzi tal-ogħla livell li noffru, filwaqt li n-negozji lokali jibbenefikaw mill-kapaċità sinifikanti ta’ ġarr tal-merkanzija li noffru fuq din ir-rotta.”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu ta’ Malta, l-Onorevoli Ian Borg, stqarr: “Dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni dejjiema bejn Malta u l-Emirates, filwaqt li jgħinna nilħqu aktar vjaġġaturi, hekk kif inxerrdu l-kelma dwar l-attrazzjonijiet u l-esperjenzi uniċi tal-Gżejjer Maltin. Billi ningħaqdu mal-linji tal-ajru internazzjonali u operaturi ewlenin oħra tal-industrija, qed nisfruttaw kemm nistgħu r-riżorsi tagħna biex kontinwament nottimizzaw l-isforzi għall-iżvilupp u l-promozzjoni tal-prodott tagħna, u nżommu l-pass mal-iżviluppi kontinwi fis-swieq differenti tagħna madwar id-dinja, għal futur aktar sostenibbli għat-turiżmu f’Malta u Għawdex.”

“Din is-sħubija strateġika mal-Emirates tirrappreżenta pass kruċjali fil-missjoni tagħna li ngħollu l-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni ewlenija għal turiżmu ta’ kwalità. Billi nisfruttaw il-firxa globali estensiva u l-kompetenza fl-industrija tal-Emirates, aħna nimmiraw li nattiraw vjaġġaturi għaqlin li jfittxu esperjenzi awtentiċi u ta’ valur għoli. Din il-kollaborazzjoni tallinja mal-viżjoni fit-tul tagħna għat-tkabbir tat-turiżmu sostenibbli, u tiżgura li Malta tkompli tiffjorixxi bħala destinazzjoni distinta fil-Mediterran, magħrufa għall-wirt kulturali, is-sbuħija naturali, u l-ospitalità eċċezzjonali tagħha,” ikkumenta l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef.

Dwar l-Emirates

L-Emirates ilha taħdem f’Malta mill-2003 u bħalissa topera titjira ta’ kuljum bl-użu ta’ Boeing 777-300ER. Vjaġġaturi lejn u minn Malta jibbenefikaw mis-servizzi tal-ogħla livell u mill-prodotti ewlenin fl-industrija tal-ajru u s-servizzi fuq l-art li toffri l-Emirates, b’ikel ispirat reġjonalment u xorb komplimentari, u s-sistema ta’ intratteniment ICE li toffri aktar minn 6,500 kanal ta’ divertiment on-demand f’aktar minn 40 lingwa.

Sal-lum, il-linja tal-ajru trasportat aktar minn 1.2 miljun passiġġier bejn Dubai u Malta. B’aktar minn 27,000 membru tal-Emirates Skywards irreġistrati f’Malta, il-vjaġġaturi jkomplu jgawdu l-benefiċċji tal-iskema ta’ lealtà tal-Emirates.

Dwar il-Malta Tourism Authority

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) hija ddedikata biex tavvanza l-industrija tat-turiżmu ta’ Malta billi trawwem tkabbir sostenibbli u tiżgura esperjenza ta’ kwalità għolja kemm għall-viżitaturi barranin kif ukoll dawk lokali. Filwaqt li taħdem mill-qrib mal-partijiet interessati tal-industrija, l-MTA tippromwovi l-Gżejjer Maltin bħala destinazzjoni għas-sena kollha, u tattira vjaġġaturi diversi permezz ta’ marketing strateġiku u sħubijiet. B’fokus qawwi fuq il-kwalità, l-awtentiċità u l-kollaborazzjoni, l-MTA għandha rwol ewlieni fil-ħarsien tal-wirt kulturali tal-gżira filwaqt li tixpruna benefiċċji ekonomiċi u soċjali. Mit-titjib tal-prodott turistiku sal-appoġġ għall-professjonisti tal-industrija, l-MTA tibqa’ impenjata li tpoġġi lil Malta bħala destinazzjoni ewlenija għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport