L-Enemalta installat 14-il ġenerator biex tkun tista’ tipprovdi l-provvista tal-elettriklu lil diversi lokalitajiet li fl-aħħar sigħat kienu mingħajr elettriku.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Enemalta Ryan Fava qal li dawn il-ġenerator huma siguri u r-residenti m’għandhomx għalfejn jinkwetaw dwarhom.
Fava qal li 5 minn dawn il-ġenerators huma tal-Enemalta filwaqt li l-bqija huma sub-contracted. “Aktar ġenerators dalwaqt ikunu għad-dispożizzjoni tal-Enemalta hekk kif it-tender ġie evalwat. Dawn se jkunu hemm għal bżonn biex b’mod immedjat jittieħdu lejn il-postijiet milqutin mill-qtugħ tal-elettriklu,” qal Fava.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet Fava qal li wara problema li nħolqot fuq żewġ żoni partikolari fl-inħawi ta’ San Lawrenz f’Għawdex u oħra fl-inħawi tal-Gżira u San Ġiljan Malta, l-Enemalta kompliet bix-xogħlijiet biex terġa’ tagħti lura l-elettriku lill-konsumaturi affetwati.”
B’kollox kien hemm madwar 5,000 konsumatur li spiċċaw bla provvista ta’ dawl għal tul ta’ ħin, bil-ħaddiema tal-Enemalta jaħdmu bla waqfien biex jagħtu lura l-provvista kemm jista’ jkun malajar.
Waqt media briefing mal-ġurnalisti, iċ-Ċerman Eżekuttiv l-Ing. Ryan Fava qal li f’dawn iż- żewġ żoni żviluppat ħsara f’aktar minn post wieħed li għalhekk għamlitha iktar diffiċli biex l-Enemalta tkun tista tagħti l-provvista tad-dawl lill-konsumaturi f’qasir żmien.
Fil-fatt, spjega wkoll kif fl-aħħar jiem, fil-maġġoranza tal-każi, l-Enemalta setgħet tagħti l-provvista f’ħin raġonevoli, imma f’dawn il-każijiet l-ħsara kienet aktar diffiċli biex tiġi indirizzata f’ħin qasir.
Is-Sur Fava spjega fid-dettall il-mod kif l-Enemalta twieġeb fejn jinqalgħu l-isfidi permezz tal-ħaddiema tagħha. Għal darb’oħra kien spjegat id-differenza bejn id-distribuzzjoni u l-provvista, li huma żewġ affarijiet differenti.
Filwaqt li rringrazjat lill-ħaddiema tal-Enemalta għax-xogħol tagħhom, il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif qed ikun implimentat pjan ambizzjuż biex tissaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni f’pajjiżna. Bħala parti minn dan il-pjan matul dawn l-aħħar seba’ xhur, l-Enemalta ħadmet fuq l-ewwel fażi ta’ dan l-investiment kbir fid-distribuzzjoni b’cables ġodda u ġew mgħoddija taħt l-art f’għadd ta’ lokalitajiet, b’mod partikolari dawk li s-sena li għaddiet kienu milquta minn qtugħ tal-elettriku f’perjodu fejn il-pajjiż kien qed jesperjenza temperaturi ogħla minn normal.
It-tieni fażi tax-xogħlijiet diġa’ bdiet biex issa qed jiġu indirizzati żoni oħra. Filfatt, bħalissa għaddej xogħol mill-Marsa għas-Siġġiewi u Ħaż-Żebbug bħala parti minn dan it-tisħiħ. Żoni oħra li se jiġu indirizzati f’din il-fażi jinkludu dawk ta’ Bugibba, San Pawl il-Baħar u l-Qawra, Tas-Sliema, Il-Gżira, San Giljan, Birkirkara u Għawdex, fost oħrajn.