Saturday, December 21, 2024

L-Enemalta u Infrastructure Malta qed jqiegħdu 70 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art

Xogħlijiet ta’ tisħiħ tan-netwerk tal-elettriku qed javvanzaw f’diversi lokalitajiet

Aqra wkoll

Qed javvanza l-pjan t’implimentazzjoni tal-Gvern sabiex jiġi aċċelerat it-tisħiħ tal-infrastruttura tal-elettriku tal-pajjiż. Bħalissa għaddejjin diversi proġetti fi tnax-il lokalita u ħafna oħrajn jibdew fiż-żmien li ġej. 

Bħala parti minn investiment estensiv, Enemalta qed tikkollabora ma Infrastructure Malta, Transport Malta u diversi kunsilli lokali. Dan biex jiżdiedu aktar minn 70 kilometru ta’ cables ta’ 11-kilovolt taħt l-art u b’hekk jingħaqdu mal-grid nazzjonali fix-xhur li ġejjin.  Ix-xogħlijiet ta’ tqegħid ta’ cables bdew lejn l-aħħar tax-xhar li għadda. 

Bħalissa dawn it-tlett entitajiet qed jikkoordinaw ħidma f’Ħad-Dingli, l-Imtarfa, il-Mosta, in-Naxxar, Ħal Kirkop, iż-Żurrieq, Bormla, Ħaż-Żabbar, il-Kalkara, il-Gudja, Ta’ Qali u x-Xgħajra. Fil-ġimgħat li ġejjin, aktar ħaddiema se jkunu mobilizzati biex jibdew ix-xogħlijiet ta’ upgrades fin-network f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħolijiet Pubbliċi Chris Bonett u s-Sindku ta’ Ħad-Dingli Raymond Schembri iltaqgħu ma aktar minn 100 ħaddiem li qed jaħdmu fuq dawn il-proġetti waqt żjara f’Ħad Dingli waqt it-tqegħid ta’ cables. 

Il-Ministru Miriam Dalli fakkret kif is-sajf li għadda l-Gvern wiegħed li se jirdoppja l-investiment għal 2024 fuq l-infrastruttura elettrika ta’ Malta biex tkompli ttejjeb il-kwalità tas-servizzi elettriċi lill-familji u n-negozji, u biex jilqa’ d-domanda kkawżata mit-tibdil fil-klima u dik tal-futur. 

“Enemalta, Infrastructure Malta u Transport Malta qed jgħaqqdu r-riżorsi tagħhom biex fi ftit xhur iżidu rekord ta’ cables ġodda man-network, kważi erba’ darbiet aktar kilometri ta’ cables minn dak miżjud fl-aħħar sentejn. Dan ix-xogħol ta’ rinfurzar huwa importanti għaliex qed joħloq aktar konnessjonijiet alternattivi bejn partijiet differenti tal-pajjiż, inaqqas ir-riskju li jkun hemm diffikulta fil-provvista tal-konsumaturi, filwaqt li jgħinu lil Enemalta tagħti lura l-provvista f’inqas ħin meta jinqalgħu diffikultajiet.,” qalet il-Ministru Dalli.

“Flimkien ma’ xogħlijiet li għaddejjin u dawk li se jiġu implimentati fiż-żmien li ġej, inkluż ċentri ta’ distribuzzjoni u substations ġodda, dan l-investiment se jikkontribwixxi għal servizzi tal-elettriku aktar reżiljenti,” żiedet tgħid il-Ministru.

Il-Ministru tat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħolijiet Pubbliċi Chris Bonett esprima s-sodisfazzjoni kif dan il-proġett, b’kollaborazzjoni bejn it-tlett entitajiet qed jassigura l-implimentazzjoni tal-wegħda tal-Gvern, dik li jittripla l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku. 

“Qed ninvestu fi prijoritajiet li jiffokaw fuq il-bżonnijiet taċ-ċittadini, billi nsaħħu aktar r-reżiljenza u s-sigurtà tal-provvista fin-network tal-elettriku. Dawn ix-xogħlijiet se jibqgħu għaddejjin fix-xhur li ġejjin, hekk kif se nkomplu nassiguraw kordinazzjoni konġunta minn Enemalta, Infrastructure Malta u Transport Malta, fejn se nkomplu naraw koordinament sħiħ biex inaqqsu l-inkonvenjenza lejn il-pubbliku,” qal il-Ministru Bonett. 

Barra l-proġett ta’ 11-kilovolt ta’ cables, Enemalta qed tkompli timplimenta l-pjan tagħha għas-sitt snin li ġejjin, hekk kif kien imħabbar fl-2022, biex tissaħħaħ l-infrastruttura fid-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż. Bħala parti minn dan il-pjan, fl-2024 se jibdew x-xogħlijiet fuq 45 substations ġdid u xogħol ta’ upgrades fuq dawk eżistenti. 

Għaddejjin ġmielhom il-preparazzjonijiet fuq żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda, fin-Naxxar u  fis-Siġġiewi. Ix-xhar li għadda ħarġu żewġ sejħiet għal ċentru ta’ distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar. F’Diċembru ukoll ħarġet sejħa għal xogħolijiet ta’ upgrades fiċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni fl-Imsida. Enemalta qed tara ukoll li żżid il-kapaċità fiċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni f’St Andrew’s, u qed tara li tiżviluppa żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni f’Ħad-Dingli u ż-żona tal-Kottonera. 

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Ryan Fava, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon u d-Direttur fuq tat-Taqsima tal-Permessi tax-Xogħlijiet fit-Toroq ta’ Transport Malta Edric Micallef akkumpanjaw lill-Ministru Bonett u lill-Ministru Dalli waqt din iż-żjara. 

Għal aktar informazzjoni, żur Enemalta.com.mt jew segwi l-paġni tal-midja soċjali tal-Enemalta, Sostenibbilità u Infrastruttura.

Ekonomija

Sport