L-erba’ passiġġieri li qabżu minn fuq ajruplan tal-linja tal-ajru Turkish Airlines għamlu dan wara li kienu fetħu l-bieba tan-naħa ta’ wara tal-ajruplan mingħajr awtorizzazzjoni u evadew l-uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta li kienu stazzjonati ħdejn l-ajruplan.
Iċ-ċentru ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru kien infurmat immedjatament b’dan kollu u Runway 13-31 kellha tingħalaq bħala prekawzjoni. Wara li seħħ dan, ġie kkonfermat minn filmat miġbud mis-sistema tas-CCTV li l-erba’ passiġġiera maħruba kienu qabżu l-ilqugħ tal-ħadid li jdawwar il-perimetru tal-ajruport.
Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kkonferma li fl-1 ta’ Jannar 2025, għall-ħabta tal-11.30 a.m. ħin lokali, l-Aerodrome Operations Unit tal-ajruport ġiet infurmata mill-Malta Air Traffic Services li ntlaqgħet talba mill-ekwipaġġ tat-titjira tat-Turkish Airlines TK619, operata minn Istanbul lejn Marrakesh, li l-ajruplan jiġi devjat lejn Malta minħabba raġunijiet mediċi.
It-timijiet tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta informaw lill-awtoritajiet relevanti, inkluż l-isptar Mater Dei u t-tim tal-Immigrazzjoni, b’mod immedjat, skont il-proċedura stabbilita.
Sussegwentement, is-Surġent tal-Immigrazzjoni talab għal arranġamenti speċifiċi għall-inżul tal-passiġġier minn fuq l-ajruplan, inkluż il-ftuħ ta’ bieb wieħed biss tal-ajruplan, l-użu ta’ taraġ wieħed, u l-preżenza ta’ tim tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) fuq il-post.
L-ajruplan niżel f’Malta f’12.03 p.m., filwaqt li l-vetturi ta’ emerġenza li ntbagħtu mill-isptar Mater Dei waslu fuq il-post ftit tal-ħin wara. Il-Pulizija tal-Immigrazzjoni avviċinat l-ajruplan mit-taraġ imqiegħed fuq in-naħa ta’ quddiem tal-ajruplan, fejn kienu stazzjonati il-membri tal-AFM.
Ftit tal-ħin wara li l-ambulanza telqet lejn l-isptar, erba’ passiġġieri ntlemħu jiġru miż-żona ta’ parkeġġ tal-ajruplan lejn il-mitjar. L-ajruport qal li dawn qabżu mill-ajruplan wara li fetħu l-bieba ta’ wara tal-ajruplan bla awtorizzazzjoni.
Il-mitjar infetaħ mill-ġdid fis-1.22 p.m., u l-ajruplan ngħata permess jitlaq minn Malta mill-AVSEC u l-Pulizija tal-Immigrazzjoni fis-2.24 p.m. Matul l-inċident, il-proċeduri ta’ koordinazzjoni mal-Awtoritatijiet Statali kollha ġew segwiti.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li jibqa’ impenjat li joffri l-appoġġ tiegħu lill-Awtoritajiet Statali fl-investigazzjoni tagħhom.
Sadanittant, tnejn mill-erba’ persuni maħruba kienu arrestati mentri t-tfittxija għat-tnejn l-oħra għadha għaddejja.