Minn Cristian Muscat
Kerċem Ajax komplew jiktbu paġna storika oħra fil-futbol Għawdxi hekk kif kisbu kampjonat ieħor u d-double fi staġun meqjus memorabbli. Fost il-plejers li kellhom rwol importanti f’dan is-suċċess hemm Gabriel Vella, żagħżugħ ta’ 20 sena li ilu jiġi kkunsidrat bħala wieħed mill-prospetti promettenti fil-futbol lokali.
F’intervista ma’ dan is-sit, Vella ma ħebiex il-ferħ tiegħu dwar dak li rnexxielu jikseb flimkien mat-tim. “Ferħan ħafna li ksibna unur ieħor wara li rbaħna l-kampjonat.
Huwa klabb storiku u wara 40 sena ksibna d-double lħaġa li qatt ma kienet saret,” qal Vella b’sodisfazzjon evidenti.
Vella, li huwa plejer ta’ Hamrun Spartans u jinsab b’self ma’ Kerċem Ajax, beda l-vjaġġ tiegħu fil-futbol minn età żgħira ħafna. “Għandi 20 sena u bdejt mal-akkademja ta’ Ħamrun meta kelli 16-il sena. Irbaħt il-youth section A, tħarriġt mat-tim tal-kbar u anke lgħabt fil-Kampjonat Premier,” spjega.
Dwar l-esperjenza tiegħu ma’ Kerċem Ajax, huwa kien ċar: “Dan l-istaġun kif ħassejtni? Ħassejtni onorat. Tawni opportunità li nilgħab b’mod regolari fil-kampjonat u fit-tazzi. Grazzi ħafna lill-klabb u lill-ambjent li għeni ħafna. Ġibt kunfidenza u għamilt ħbieb tal-qalb.”
Vella faħħar ukoll l-istruttura tal-klabb Għawdxi u l-mod professjonali kif jaħdem. “Il-kowċ Danijel Bogdanovic, id-diriġenti u l-plejers kollha għandhom attitudni professjonali. Il-klabb għandu struttura kważi professjonali u kumitat serju. Din kienet waħda mir-raġunijiet li għażilt li ningħaqad magħhom,” kompla jgħid.
Kerċem Ajax kellhom staġun impressjonanti li fih mhux biss rebħu l-kampjonat iżda wkoll komplew juru progress fl-aħħar snin fil-futbol Għawdxi. L-iskwadra illum il-ġurnata hi magħrufa għall-futbol organizzat u offensiv tagħha, u Vella jemmen li l-preparazzjoni kienet iċ-ċavetta ewlenija għal dan is-suċċess.
“Konna dejjem preparati tajjeb u kellna stil ta’ futbol sabiħ. Kien hemm żminijiet diffiċli, imma minn Jannar ’l hawn bdejna sensiela ta’ logħbiet fejn ma konniex qed naqilgħu gowls u dan wassalna għar-rebħ tal-kampjonat,” spjega.
Huwa semma wkoll ir-rwol tal-partitarji: “Is-segwaċi ta’ Kerċem Ajax kienu dejjem magħna. Kienu bħal 12-il plejer fil-grawnd. F’mumenti diffiċli baqgħu warajna u tawna sapport kbir. Jixirqilhom prosit kbira.”
Vella enfasizza wkoll il-livell tal-kampjonat Għawdxi, li skontu qed isir dejjem aktar kompetittiv. “Il-kampjonat hu interessanti ħafna. Timijiet bħal Xewkija Tigers, Qala Saints u SK Victoria Wanderers kollha tawna sfida serja. Kull logħba trid tkun mija fil-mija konċentrat, inkella ma ġġibx riżultat,” qal.
Kerċem Ajax kienu konsistenti matul l-istaġun kollu u bnew vantaġġ importanti fil-quċċata tal-klassifika. Il-prestazzjonijiet tagħhom ġew ikkonfermati b’rebħa deċiżiva 1-0 kontra Nadur Youngsters, li matematikament issiġillat it-titlu.
Għal Vella, din l-esperjenza hija biss pass ieħor fil-karriera tiegħu. “Kerċem huwa pass ’il quddiem. Ma nafx x’inhuma l-intenzjonijiet tal-klabb fil-futur, imma għalija ma tagħmilx differenza kbira. L-għażliet huma f’idejn il-klabb u jien dejjem nagħti l-massimu tiegħi,” qal b’mod matur.
Il-plejer żagħżugħ diġà għandu esperjenza anke fuq livell internazzjonali, wara li lagħab mat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena fil-kwalifikazzjonijiet Ewropej. “Kienet esperjenza sabiħa li bdiet minn età żgħira. Mhux faċli tilgħab kontra timijiet b’saħħithom u f’livell għoli, imma tgħallimt ħafna,” żied jgħid.
Vella jidher motivat biex ikompli jiżviluppa u jkompli jieħu opportunitajiet kemm fil-klabb kif ukoll ma’ Malta. Il-versatilità tiegħu bħala winger jew midfielder tagħmlu plejer utli ħafna għal kwalunkwe skwadra.
“Il-futbol Għawdxi u Malti qed jikber, u jien irrid inkompli naħdem biex ntejjeb il-livell tiegħi. L-esperjenzi bħal dawn jgħinuni nikber mhux biss bħala plejer imma wkoll bħala persuna,” qalilna b’ton ta’ konvinżjoni liema bħalha.
Vella saħaq li wieħed mill-iktar fatturi importanti f’dan is-suċċess kienet il-konsistenza mentali u l-unità tal-iskwadra. “Mhux dejjem faċli tibqa’ ffukat matul staġun twil, speċjalment meta tkun qed tilgħab f’kampjonat fejn kull tim jista’ jagħmillek il-ħsara. Imma konna dejjem naħsbu logħba b’logħba,” spjega.
Huwa żied li l-bidu tal-istaġun ma kienx kompletament perfett, iżda t-tim dejjem żamm il-fidi fih innifsu. “Kien hemm logħbiet fejn forsi ma konniex fl-aqwa tagħna, imma qatt ma tlifna l-kalma. Il-kowċ u l-istaff tekniku kienu importanti ħafna biex iżommu l-grupp magħqud u ffukat fuq l-għan ewlieni.”
Vella tkellem ukoll dwar l-esperjenza personali tiegħu bħala plejer żagħżugħ f’tim mimli plejers aktar esperjenzati. “Meta tkun żagħżugħ trid tieħu l-affarijiet bis-serjeta’ u tisma’ minn dawk li għandhom aktar esperjenza minnek. F’Kerċem sibt plejers li għenuni ħafna, tawni pariri u appoġġawni kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu. Dak jagħmel differenza kbira fil-progress ta’ plejer.”
Huwa rrimarka wkoll li l-fatt li lagħab regolarment għenu biex jikber fil-kunfidenza. “Il-minuti fil-grawnd huma kollox. Tista’ tittrenja kemm tista’, imma l-esperjenza reali tiġi meta tilgħab taħt pressjoni. Dan l-istaġun tani dik l-opportunità u ħadt vantaġġ minnha.”
Qabel temm l-intervista, Vella bagħat messaġġ lill-partitarji ta’ Kerċem Ajax: “Grazzi kbira lil kulħadd tas-sapport. Il-partitarji kienu dejjem magħna anke fl-iktar mumenti diffiċli. Dan it-titlu huwa tagħhom ukoll.”
B’dan is-suċċess, Kerċem Ajax komplew jikkonfermaw ruħhom bħala forza dominanti fil-futbol Għawdxi, filwaqt li Gabriel Vella jidher li qed jibni karriera promettenti li tista’ twasslu għal-livelli saħansitra ogħla fil-futur.


