Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-hockey?
L-imħabba tiegħi lejn il-hockey bdiet meta kont Form 1 u l-għalliem tal-Ingliż, is-Sur Vella, beda jħajjarna immorru nittrenjaw il-hockey wara l-ħin ta l-skola. Konna nitilqu wara l-aħħar lezzjoni u nibqgħu sejrin nittrenjaw il-Polythecnic. Minn hemm, wara ftit xhur, l-istess għalliem kien ħajjarna biex nibdew nittrenjaw mal-klabb tal-Young Stars ġewwa l-Furjana.
Apparti l-hockey, kont għamilt ħafna ħbieb li konna nilagħbu l-hockey flimkien u nissoċjalizzaw ukoll. Hemm membri minn dan il-grupp li avolja ħadna toroq differenti, għadna ħbieb.
X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Qormi Daikin Hockey Club matul l-istaġun li għadda?
Komplejna dan l-istaġun fuq ta’ qablu u sa issa kien staġun pożittiv ħafna. Wara li fl-istaġun li għadda konna rbaħna l-kompetizzjonijiet kollha lokali, fis-settur tal-kbar, sa issa din is-sena rbaħna is-Super Cup, iċ-Challenge Cup u l-Kampjonat Nzzajonali. Għat-tieni sena konsekuttiva fil-kampjonat, irbaħna il-logħob kollu.
Dan l-istaġun fadal il-kompetizzjoni tan-Knock Out u wara mmorru ġewwa s-Slovenja, fejn se nkunu l-ewwel klabb Malti li jikkompeti fil-Euro Challenge Div1. Sal-lum il-ġurnata klabbs Maltin irnexxielna nikkompetu dejjem bejn Challenge Div2, Div 3 u Div4. Dan se jkun impenn diffiċli imma li minnu ċert li ħa nieħdu ħafna. Waqt din il-kompetizzjoni se niltaqgħu mar-rebbieħa tal-Kampjonati tal-Ukrajna, is-Slovenja, id-Danimarka, il-Kroazja, l-Ungerija u n-Noverġja.
X’unuri maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek bħala kowċ sa issa kemm fuq bażi personali kif ukoll bħala tim?
Fil-kowċing kelli ħafna unuri u nista’ ngħid li rbaħt għal iktar minn darba kull kompetizzjoni lokali, kemm dawk tat-tfal kif ukoll tal-kbar. Bħala kowċ tal-1st team, irbaħt il-Kampjonat 11-il darba, in-Knock-Out seba’ darbiet, is-Super Cup 12-il darba u c-Challenge Cup disa’ darbiet. Unuri personali rbaħt, imma avolja nieħu pjaċir bihom, jien jinteressani dak li nirbħu bħala klabb.
Irnexxielna wkoll niktbu l-istorja għall-hockey Malti meta rbaħna erba’ kompetizzjonijiet Ewropej, tlett il-Europpean Club Competitions Division 3 (2022, 2023 u 2025) u darbtejn oħra id-Division 4 (2014 u 2016).
Peró, l-iktar li għadni niftakar huma, kompetizzjoni li konna lgħabna bl-Under 14 ġewwa San Cataldo, kienet l-ewwel darba li ħadna tfal jilagħbu barra minn xtutnna u konna rbaħna t-tornew. NIftakar ukoll il- kampjonat tal-istaġun 2014/15, meta kienu telqu minn mal-klabb seba’ plejers tal-ewwel tim, daħħalna ħafna tfal minn nursery u rnexxielna nirbħuh ukoll.
Ovvjament, il-kompetizzjonjiet Ewropej jibqgħu dejjem fil-memorji tiegħi, speċjalment dawk mirbuħa fit-Turkija, Gibilta u is-sajf li ghadda gewwa in-Norvegja.
Xi ħaġa li żgur se timmarka l-karriera fil-klabb hija r-rebħ tal-unur tal-EHF bħala l-Aħjar Klabb Ewropew tal-2025. Dan huwa unur li qatt ma ħsibt li nistgħu niġu kkunsidrati għalih, meta qed tikkompeti mal-Ewropa kollha. Juri l-apprezzament li għandna minn ġewwa l-Ewropa u li qed nagħmlu ħalla impatt mhux biss f’Malta iżda wkoll madwar l-Ewropa! Xi ħaġa li żgur se tibqa’ ta’ unur kbir li mhu se ninsa qatt!
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ ta’ Qormi HC.
Preżentement għandna tim mimli bi plejers ta’ talent li kollha telgħu mill-akkademja ta’ Qormi Daikin HC. Għandna taħlita ta’ plejers b’esperjenza, plejers li qegħdin fl-aħjar tagħhom kif ukoll żgħażagħ ġodda. Dan l-istaġun għandna wkoll plejer barrani li kompla jgħin it-tim biex inkomplu nitjiebu fil-livell. Il-livell nemmen li hu tajjeb u bil-ġenerazzjoni l-ġdida li tiela’ nemmen li l-klabb għandu futur sabiħ.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti tal-hockey.
Kienet esperjenza differenti ħafna minn tal-klabb. Kienet esperjenza pożitiva wkoll, fejn jien pruvajt ngħaqqad l-aħjar talent Malti, kemm bħala plejers kif ukoll bħala staff, biex inġibu l-aħjar riżultat possibli għal pajjiżna. Ippruvajt inneħħi r-rivalitá bejn il-klabbs Maltin u ningħaqdu f’tim wieħed. Naħseb li kien tragward li lħaqna fiż-żewġ kompetizzjonijiet li tlajna.
Wara dawn it-tliet snin esperjenza fin-Nazzjonal, ma naħsibx li għaż-żmien li ġej jien interessat li nerġa’ naħdem fil-kamp tan-Nazzjonal. Ma narax li hemm ir-rieda biex nimxu ‘l quddiem. Hemm bżonn isiru ħafna affarijiet biex it-tim nazzjonali jimxi ‘l quddiem u dan m’hemm l-ebda pjan u rieda mit-tmexxija li jsir.
Kif tqis il-livell tal-hockey f’pajjiżna fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Nemmen li l-hockey ġewwa pajjiżna huwa ta’ livell tajjeb meta tikkonsidra f’liema stat jintlagħab il-hockey ġewwa Malta. Meta tikkunsidra l-iżvantaġġ li għandna bl-art sintetika li qed tintuża, naħseb li l-klabbs għamlu xogħol tajjeb ħafna. Peró, il-hockey Malti ma jistax jimxi ‘l quddiem jekk mhux se jsir investiment f’art adekwata. Meta mmorru nilagħbu barra minn Malta, l-ewwel logħob inkunu qed naddattaw biex nilagħbu fuq art totalment differenti. Sfortunatament dan is-suġġett sa fejn naf jien mhux qed jiġi indirizzat. Fl-opinjoni tiegħi, huwa l-ikbar bżonn li għandna.
Irid isir ukoll investiment serju fid-dipartiment taż-żgħażagħ biex intellgħu iktar plejers għall-futur. Hawn klabbs li qegħdin jagħmlu dan, iżda dan mhux biżżejjed … irid ikun hemm sforz mill-klabbs kollha.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Iva, filwaqt li bħala klabb nippruvaw inġibu l-aħjar apparat, minn naħa ta’ art artifiċjali, illum qed nilagħbu fuq art ta’ kważi 25 sena! Mhix art tajba biex isiru kompetizzjonijiet internazzjonali fuqha u partijiet mill-art illum spiċċat. Hemm bżonn investiment biex din l-art tinbidel. Filwaqt li saru diversi kompetizzjonjiet Ewropej ġewwa Malta fil-passat, illum ma jistgħux isiru minħabba l-art inadekwata u llum saret ta’ periklu li xi ħadd iweġġa’.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-hockey?
Meta nħares lejn il-futur qrib, nispera li nkomplu nkabbru l-klabb ta’ Qormi Daikin HC kemm fis-settur tal-kbar imma speċjalment fis-settur taż-żgħażagħ. Nixtieq li ngħin lill- kowċ tal-futur ta’ Qormi ħalli wara nkun nista’ noffri iktar ħin tiegħi fid-dipartiment taż- żgħażagħ. Is-suċċess li għandna llum ġej kollu għax ħdimna fis-settur taż-żgħażagħ tagħna stess.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-hockey.
Dan huwa possibli jekk tkun dedikat u tieħu l-affarijiet bis-serjetá. Fil-hockey huwa possibli li tagħmel karriera profesjonali llum il-ġurnata … jekk temmen fik innifek, tghamel is-sagrificji u tistinka, tasal!


