Wednesday, December 25, 2024

L-ewwel titjira tal-Aer Lingus tinżel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

Aqra wkoll

It-titjira inawgurali tal-Aer Lingus minn Dublin għal Malta għamlet l-inżul tagħha fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) ilbieraħ il-Ġimgħa. L-inżul tat-titjira EI464 f’Malta mmarka l-bidu ta’ titjira diretta ġdida li tgħaqqad il-kapitali Irlandiża mal-Gżejjer Maltin.

Din ir-rotta l-ġdida se topera tliet darbiet fil-ġimgħa, u se toffri vjaġġar bla xkiel bejn iż-żewġ destinazzjonijiet. Is-servizz il-ġdid mistenni jagħti spinta lit-turiżmu, l-ivvjaġġar għan-negozju, u l-iskambji kulturali, li jippożizzjonaw lil Malta bħala destinazzjoni aċċessibbli kemm għal dawk li jivjaġġaw għal raġunijiet ta’ divertiment kif ukoll għal korporattivi mill-Irlanda u lil hinn minnha.

L-E.T. Giovanni Buttigieg, Ambaxxatur ta’ Malta għar-Repubblika tal-Irlanda ddeskriva din ir-rotta bħala l-frott ta’ xhur ta’ ħidma mill-awtoritajiet Maltin. Huwa żied jgħid li minbarra li qed tikkontribwixxi għat-turiżmu lejn pajjiżna, din it-titjira qed toffri għażla aktar wiesgħa lill-komunità Maltija fl-Irlanda u lill-familji tagħhom meta jivjaġġaw bejn iż-żewġ pajjiżi.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef stqarr li huwa ta’ sodisfazzjon li Aer Lingus qiegħda tingħaqad mal-lista dejjem tikber tagħna ta’ msieħba tal-linji tal-ajru, u b’ hekk tkompli tissaħħaħ il-konnettività ta’ Malta.

“Din ir-rotta mhux biss issaħħaħ ir-rabtiet tagħna mal-Irlanda iżda tiftaħ ukoll opportunitajiet ġodda għal konnessjonijiet imtejba lejn u mill-Ewropa ta’ fuq, kif ukoll l-Istati Uniti u l-Kanada permezz tas-servizzi transatlantiċi ta’ Dublin”, tenna Micallef.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo qal li r-rotta l-ġdida Aer Lingus bejn Malta u Dublin tifforma parti mill-pjan tal-gvern li jiddiversifika u jattira turisti ta’ kwalità s-sena kollha.

Ekonomija

Sport