Friday, May 3, 2024

L-GĦAJNUNA BIEX INSALVAW IL-ĦAJJIET

Aqra wkoll

Il-jum dinji dwar is-saħħa mentali ġie u mar. Iżda l-problemi għadhom hemmhekk u se jibqgħu għaliex dan huwa fenomenu li minn żmien għal żmien jerġa’ jfeġġ anke minkejja l-għajnuna kollha li tingħata mill-istat u minn għaqdiet oħra mhux governattivi.

Dan huwa suġġett delikat ħafna għaliex m’għandux barrieri ta’ età u jolqot lil kull faxxa tas-soċjetà. Din il-problema rajnieha terfa’ rasha waqt il-pandemija li kkawżat iżolament ta’ ħafna li wassal għal dipressjoni u ansjetà.

Il-problema tas-saħħa mentali ħarġet iktar fil-beraħ u allura hemm aktar għarfien u kuxjenza dwarha. Hawnhekk ta’ min ifaħħar il-pass li ħabbar id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fl-aħħar jiem illi se jiġi introdott helpline 24 siegħa kuljum bil-għan li mhux tiġi indirizzata l-problema tas-suwiċidju. 

Ninnutaw ukoll b’sodisfazzjon il-wegħda tal-Gvern li jinbena sptar ġdid u modern biswit Mater Dei, li joffri kura speċjalizzata lil dawk li b’xi mod ikunu għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali. Wieħed jammira illi minkejja ċ-ċokon, pajjiżna joffri waħda mill-aqwa skemi tas-saħħa fl-Ewropa, anke minkejja li xi kultant jinħolqu diffikultajiet.

Il-Gvern tant qed jieħu b’serjetà din il-problema, li fl-2019 nieda strateġija dwar is-saħħa mentali li għandha l-għan li tagħti servizz, taħriġ u anke appoġġ kemm lill-pazjenti u l-qraba tagħhom iżda wkoll lill-ħaddiema fi ħdan is-settur. 

L-istrateġija tinkludi wkoll l-isptar ġdid għas-saħħa mentali. Dan l-isptar għandu jkun kumplimentat b’ċentri oħra f’diversi nħawi madwar il-pajjiż sabiex l-għajnuna tingħata f’waqtha u f’firxa akbar ta’ lokalitajiet. 

B’sodisfazzjon ninnotaw kif id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne riċentament inawgura binja rinovata biswit l-istess sptar li se tilqa’ fiha 14-il pazjent. Din il-binja se sservi ta’ lok fejn il-pazjenti jkunu jistgħu jgħixu b’mod normali, f’ambjent ta’ dar, taħt is-sorveljanza tal-istaff professjonali bil-għan li ma jinqatgħux mill-komunità li kienu mdorrijin jgħixu fiha.

L-istrateġija tal-Gvern diġà qed tagħti l-frott tant li t-talbiet għall-għajnuna qed jiġu indirizzati b’mod aktar dirett tant li dawk li qed ikollhom jiddaħħlu l-isptar għal aktar attenzjoni huma persentaġġ relattivament baxx. 

Dan huwa kkonfermat minn ċifri maħruġa fl-aħħar jiem li juru minn fost 240 pazjent li kkuntattjaw lill-Crisis Intervention Unit, kienu 16 biss iddaħħlu l-Isptar filwaqt li l-kumplament ingħataw l-għajnuna direttament f’darhom stess.

Nemmnu li investimenti bħal dawn jgħinu biex dawn l-individwi jkollhom iżjed dinjità, titneħħa l-istigma minn fuqhom u b’hekk jgħixu ħajjithom b’mod iktar seren. Filwaqt li nemmnu li għad baqa’ ħafna xi jsir f’dan il-qasam, inħeġġu lil min ikun f’diffikultà biex jersaq ‘il quddiem għaliex illum pajjiżna għandu bosta servizzi għal dan il-għan.

Sport