Thursday, April 18, 2024

NIPPREŻENTAW U NWETTQU BUDGET TA’ SERĦAN IL-MOĦĦ

Aqra wkoll

Il-vaganzi għaddew, għal­kemm fil-verità aħna l-Membri Parlamentari bqajna niltaqgħu regolarment għall-Kumitati matul is-sajf. Issa li rġajna dħalna lura b’mod normali għas-seduti parlamentari se nkomplu bil-ħidma li għandha ssarraf f’aktar ġid u f’aktar twettiq ta’ wegħdiet li ġew imfassla fil-manifest elettorali. Fuq l-aġenda bħalissa għaddejjin diversi riformi li permezz tagħhom se ntejbu l-ħajja tan-nies, riformi li jgħinu lill-persuna tgħix ħajja ta’ kwalità aħjar.

Apparti minn hekk bħalissa għaddejjin bil-proċess tal-baġit għas-sena 2023. Baġit li fih se nerġgħu naraw preżentazzjoni mill-Ministru għall-Finanzi, l-Onorevoli Clyde Caruana fejn se jserraħ ras il-poplu Malti u Għawdxi kollu li dan se jkun baġit ieħor mingħajr piż fuq il-familji; jiġifieri baġit ta’ serħan il-moħħ. Tajjeb li nfakkar minn xiex għaddejja d-dinja fil-mument u tajjeb ukoll inħarsu lejn il-pajjiżi ġirien u lil hinn minna. 

Il-miżuri li qegħdin jieħdu ċerti pajjiżi li huma magħrufin għall-ekonomija tajba u b’saħħitha wkoll qed idaħħlu miżuri li fihom jinkludu t-taxxi. Iżda għall-kuntrarju ta’ dan kollu aħna b’unur nistgħu ngħidu li pajjiżna se jerġa’ jkollu baġit mingħajr taxxi. Dan grazzi għall-qagħda fiskali soda li qegħdin inħaddnu. Tajjeb li nsemmi li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta baqa’ jiżdied kull sena. Fil-preżent pajjiżna għandu t-tieni l-akbar tkabbir fl-UE, bi 3.8%. Dan fid-dawl li l-pajjiżi l-oħra Ewropej qegħdin inaqqsu. Dan huwa turija bil-fatti ta’ kemm il-Gvern qed jimplimenta pjan li jaħdem, u qed jaħdem b’mod tajjeb ħafna. 

Tikteb Katya De Giovanni; Psikologa u Membru Parlamentari

Tajjeb infakkar li d-domanda għax-xogħol ġewwa Malta hija waħda kbira li bil-kapaċitajiet tagħna lanqas qegħdin inlaħħqu magħha. Il-parteċipazzjoni tan-nies jaħdmu tiela’ b’rata li qatt ma kellna bħalha f’pajjiżna. Iżda apparti dan il-progress kollu nsibu Oppożizzjoni li lesta biex tmaqdar u saħansitra tinnega dan kollu. Iżda l-Partit Laburista dejjem ħalla f’idejn il-poplu sabiex jiġġudika hu l-ħidma tiegħu. Għad baqa’ fejn nimirħu u fejn intejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u tal-ħajja inġenerali.

Għaldaqstant bħala Gv­ern se nkunu qegħdin inġorru parti mill-piż tal-għoli tal-ħajja, b’żieda sostanzjali għall-ħaddiema u wkoll għall-pensjonanti b’mod sħ­iħ. Ħadd m’għandu jinsa l-passat fejn f’sitwazzjonijiet inqas prekarji minn dawn sibna ma’ wiċċna Gvern Nazzjonalista li s-soluzzjonijiet tiegħu kienu t-taxxi, li komplew żiedu l-piż fuq il-familji u l-pensjonanti. Iżda llum nistgħu ngħidu li Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Dr Robert Abela ra kif seta’ jsib soluzzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-familji. Gvern li għax kien bil-għaqal jista’ jerfa’ biċċa minn dan il-piż li ġie fuqna. L-għaqal li jħaddan dan il-Gvern huwa r-riżultat li ma jkomplux jogħlew il-kontijiet tad-dawl ul-ilma, li l-fuel jibqa’ fil-prezz li hu, u dan grazzi għall-fatt li qatt ma kien Gvern ħali, li berbaq il-flus mingħajr ma ħaseb x’jista’ jasal fuqna. 

Ta’ dan kollu, dak iż-żmien konna nħallsu aħna, iżda llum bil-kontra għax għandna tmexxija li qed taħdem b’mod għaqli u jkollha rendikont sa kull ċenteżmu tan-nefqa. Tajjeb li nifhmu kemm hu importanti li l-Gvern jibqa’ jkun ta’ spalla għall-familji u għan-negozji tagħna. Li ma kienx hekk bosta negozji jkollhom jagħlqu l-bibien u bosta familji jbatu ħafna. 

Għaldaqstant tajjeb illi napprezzaw dan kollu ħbieb tiegħi, u meta forsi ngergru fuq xi nuqqas niftakru kemm stajna konnna agħar li ma kellniex tmexxija soda u għaqlija li għandu dan il-Gvern. Gvern li l-interess tiegħu huwa s-serħan il-moħħ ta’ kull wieħed u waħda minna. Gvern li għandu għal qalbu lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Gvern li qatt mhu se jivvota bil-qalb biex jogħlew il-kontijiet, għaliex fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li nieħdu noħduha fl-interess tiegħek u tal-familji tagħkom lkoll.

Ekonomija

Sport