Tuesday, April 30, 2024

Permess ta’ residenza biex start-ups internazzjonali jirrilokaw f’pajjiżna

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħabbru programm ta’ residenza għal start-ups barranin sabiex pajjiżna jkompli jattira start-ups ta’ talent għoli, filwaqt li jservu lill-klijenti globali tagħhom. Dan tħabbar matul it-tieni edizzjoni tal-Istart-up Festival.

Il-programm ġdid ta’ residenza għall-istart-ups se joffri permess ta’ residenza biex start-ups internazzjonali jirrilokaw f’pajjiżna. Permezz ta’ dan il-programm, qed tiġi offruta residenza ta’ tliet snin li tista’ tiġi estiża b’ħames snin oħra lill-fundaturi, lill-kofundaturi ta’ start-ups u lill-familji tagħhom. Għall-impjegati ewlenin tiġi offruta residenza ta’ tliet snin li tista’ tiġi estiża bi tliet snin oħra. Dan japplika wkoll għall-membri tal-familja tal-impjegati ewlenin.

Il-programm ta’ residenza għall-istart-ups huwa ħolqa oħra fil-katina ta’ proċessi favur l-ekosistema tal-istart-ups f’pajjiżna mmexxija mill-Malta Enterprise.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li, “Flimkien mal-Malta Enterprise qed naħdmu sabiex nagħtu s-sapport neċessarju ħalli nattiraw aktar start-ups lejn Malta. Irridu naraw aktar start-ups li jirrilokaw, jinvestu u jkunu ta’ suċċess f’pajjiżna. Permezz tal-programm ta’ residenza għall-istart-ups, pajjiżna se jkun qed jassigura li jibqa’ kompetittiv għal start-ups innovattivi u għalhekk inkunu nistgħu ngawdu l-frott kemm fuq livell ekonomiku kif ukoll fejn jidħol talent ġdid u teknoloġiji ġodda.”

Il-Ministru Byron Camilleri qal li, “Pajjiżna diġà għandu ekosistemi u politika li tippromwovi d-diversità, l-ispeċjalizzazzjoni u l-innovazzjoni. Dawn jinkludu s-servizzi governattivi, l-iffinanzjar u s-sapport ibbażat fuq il-komunità. Malta hija bażi ideali għat-testijiet ta’ prodotti ġodda. Jgħin ukoll il-fatt li waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ pajjiżna hu l-Ingliż u dan huwa ta’ benefiċċju kbir għall-imprendituri prospettivi. Għalhekk għandna żewġ entitajiet pubbliċi, Residenza Malta u Malta Enterprise, li qed jaħdmu id f’id sabiex jattiraw investimenti ġodda minn pajjiżi terzi f’pajjiżna.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li, “Dan il-proċess se jitmexxa b’mod konġunt bejn Residenza Malta u Malta Enterprise u l-istart-up trid tkun qed tibbenefika minn assistenza finanzjarja min-naħa tal-Malta Enterprise sabiex tkun tista’ tikkwalifika għar-residenza. Dan ifisser li dawn l-istart-ups se jkunu qed jgħaddu minn proċess rigoruż ta’ due diligence, kif jgħaddu kumpaniji oħra li japplikaw għall-assistenza tal-Malta Enterprise.”

Charles Mizzi, il-Kap Eżekuttiv ta’ Residenza Malta, qal li, “Permezz ta’ dan il-programm, il-fundaturi prinċipali ta’ start-up internazzjonali jistgħu japplikaw sabiex jiksbu din ir-residenza f’pajjiżna għal tliet snin, flimkien mal-familja immedjata tagħhom. It-tliet snin jistgħu jiġu mġedda għal ħames snin oħra, però wkoll jistgħu jiġu mwaqqfa f’ċirkustanzi partikolari.”

Sport