Tuesday, April 30, 2024

Amnesty International takkuża lil-Latvja b’abbuż fuq immigranti fil-fruntiera mal-Belarus

Aqra wkoll

Amnesty International qiegħda tallega li l-Latvja “b’mod vjolenti” bagħtet lura immigranti lejn il-Belarus u anke ntużat tortura. Rapport maħruġ minn din l-organizzazzjoni jgħid li persuni li pprovaw jaqsmu l-fruntiera mill-Belarus lejn il-Latvja ġew imsawta u anke umiljati mill-forzi tas-sigurtà. 

Min-naħa tiegħu l-gvern ċaħad li l-uffiċjali użaw forza eċċessiva u qal li l-miżuri li ttieħdu kienu minħabba “qsim illegali tal-fruntiera”. Is-sena li għaddiet il-Latvja kienet iddikjarat stat ta’ emerġenza u kienet issospendiet id-dritt li wieħed ifittex ażil f’dan il-pajjiż. Min-naħa tagħha l-Latvja argumentat li dawn il-pushbacks huma permessi, u dan minkejja li jmorru kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea. L-istat ta’ emerġenza, li għadu fis-seħħ sal-lum, kien ġie introdott wara żieda qawwija fin-numru ta’ persuni li pprovaw jaqsmu l-fruntiera mill-Belarus. 

Fir-rapport tagħha Amnesty International allegat li kien hemm każijiet ta’ abbuż ta’ poter, arresti bla raġuni, trattament ħażin ta’ persuni, tortura u anke li persuni nżammu f’kundizzjonijet mhux siguri u santitarji. 

Dan ir-rapport jikkwota lil ċertu Zaki li huwa raġel mill-Iraq fejn dan allega li ntabagħat minn naħa għal oħra tal-fruntiera xejn inqas minn 150 darba fi tliet xhur; xi drabi saħanistra tmien darbiet f’jum. Raġel ieħor mill-Iraq bl-isem ta’ Adil qal li hu u immigranti sħabu saħansitra kellhom jorqdu fis-silġ ġewwa foresta. Huwa qal li fil-foresta kellhom iqabbdu n-nar biex jisħnu u biex ibeżżgħu lill-ilpup u orsijiet li kien hemm madwarhom. 

Is-sena li għaddiet il-Latvja, il-Polonja u l-Litwanja kellhom żieda qawwija fin-numru ta’ immigranti li kienu qed jipprovaw jidħlu mill-Belarus. Min-naħa tagħha l-Unjoni Ewropea akkużat lill-mexxej tal-Belarus Alexander Lukashenko li hu qiegħed jorkestra din is-sitwazzjoni bħala ritaljazzjoni għas-sanzjonijiet li hemm imposti fuq pajjiżu, liema sanzjonijiet kienu ġew introdotti wara ħruxija fuq dimostranti li kienu ħarġu jipprotestaw kontra t-tmexxija tiegħu wara l-elezzjoni presidenzjali li bosta allegaw li kienet imbagħbsa. 

Sport