Thursday, December 26, 2024

L-GĦAQDIET MUŻIKALI U L-KONTRIBUT TAGĦHOM LEJN IS-SOĊJETÀ

Aqra wkoll

Kemm ili li bdejt il-Kampanja Elettorali tiegħi, nista’ ngħid li tgħallimt mhux ftit minn dak kollu li ltqajt miegħu, b’mod speċjali waqt iż-żjarat fl-Għaqdiet Mużikali. L-hekk imsejħa Każini tal-Baned huma sors rikk f’dak kollu li jidentifika lilna bħala Maltin. L-ammont ta’ ġid li joħroġ minnhom huwa fenomenali u dan kollu ngħidu bi ftaħir għax qajla naħsbu fil-kwalitajiet li dawn il-membri jħaddnu, kemm f’dak li huwa relatat mal-mużika, max-xogħol tal-idejn kif ukoll ma’ dak kollu li jsawwar il-kultura tagħna.

Nibda billi nsemmi t-tagħlim tal-mużika li jingħata ġewwa l-każini tal-banda b’mod professjonali minn għalliema u surmastrijiet bravi. Dan iwassal lill-alljevi sabiex jigradwaw fit-tagħlim tal-istrument tal-għażla tagħhom. Dan ġeneralment jingħata mingħajr ħlas, skont il-ftehim li jsir mas-Soċjetà. Tajjeb ngħidu li minn dawn il-bandisti jkun hemm min ikompli bl-istudji u saħansitra jigradwa f’dan il-qasam. Apparti t-tagħlim tal-mużika, ġewwa l-każini nsibu ħafna aktar talenti u ħiliet, dak kollu li huwa relatat mal-armar fit-toroq tal-irħula ssib li jkun qed isir fl-imħażen tas-soċjetajiet minn membri li jagħtu l-ħin tagħhom għal dan il-għan.

Nirrimarka li hemm bżonn li dawn il-bosta talenti jeħtieġ li aħna bħala stat nirrkonoxxuhom. Biżżejjed insemmi x-xogħol li jsir, kemm fl-injam u l-meravilja ta’ armar li minnu jsiru. L-irħamar kif ukoll l-induratura, tpinġija fuq pavaljuni u bandalori, kif ukoll il-ħjata tagħhom. Kulħadd fuq ix-xogħol li jkun tajjeb fih. Dawn il-ħiliet ġeneralment ikunu intirtu minn oħrajn li għamlu dan ix-xogħol qabilhom. 

Għalhekk tajjeb inġib għall-attenzjoni li ħadd minnhom ma jkollu ċertifikazzjoni ta’ dan kollu u hawn fejn nisħaq li ssir aktar ħidma sabiex nibdew nevalwaw dawn il-ħiliet u nibdew nirrkonoxuhom bħala ħiliet fl-oqsma tagħhom. Madanakollu, ma nistax ma nsemmix is-sezzjoni piroteknika. Tant persuni dedikati li bix-xogħol tagħhom ipaxxu l-għajn matul l-istaġun tal-festi. Nies li għalkemm jaffaċjaw ċertu riskji, b’ħidmiethom qegħdin jagħtu kontribut enormi fl-ekonomija ta’ pajjiżna bir-reklam sabiħ li jagħmlu barra minn xtutna, fejn bosta turisti jiġu proprju għalhekk. Bix-xogħol sabiħ tagħhom jixgħelu s-smewwiet b’ilwien li jpaxxi l-għajn fil-ġranet sbieħ sajfin. Din hija sengħa oħra li tidentifika lilna bħala Maltin u wkoll tassoċja x-xogħol tagħha mal-każini tal-baned tagħna, fejn jikkumplimentaw il-ġmiel tal-festa Maltija flimkien. Ma nistax nħalli barra lis-Sezzjonijiet taż-Żagħżagħ, li b’ħidmiethom u b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Ċentrali jidħlu għal proġetti ambizzjużi li jkompli jkattar u jkabbar is-sabiħ ta’ dan kollu.

Jiena minn qalbi nixtieq ngħid grazzi kbira lil dawk kollha nvoluti fil-ħidma ġewwa l-każini tal-baned b’mod speċjali dawk tad-distrett tiegħi, li issa ilna naħdmu mill-qrib mhux ftit. Inwegħdom li kif għamilt sa’ issa se nkompli nagħtihom is-sostenn tiegħi għal raġunijiet li fihom nara futur, fihom nara dak li pajjiżna għandu bżonn sabiex jibqa’ jħaddan dak li lilna jagħmilna Maltin. Huma dawn l-għaqdiet li jipreservaw il-kultura tal-pajjiż, għalhekk ħbieb tajjeb li nagħtu l-kontribut tagħna sabiex nibqgħu ngawduhom għaż-żmien li ġej.

Dr Katya De Giovanni – Kandidata fuq ir-Raba’ Distrett

Ekonomija

Sport