“L-iktar domanda importanti li għandna nindirizzaw hija li t-tbatija fil-familji għandna nnaqsuh kemm jista’ jkun. Se nibda din id-diskussjoni billi ngħidilkom li aħna llum qegħdin hawn sabiex nisimgħu lilkom, sabiex b’hekk il-Gvern ikun sema’ il-ħsibijiet tagħkom qabel titnieda l-konsultazzjoni pubblika”
Dan iddkjarah l-Prim Ministru Robert Abela fid-diskors li għamel, hekk kif dalgħodu fl-Università l-Antika tal-Belt Valletta bdiet l-ewwel laqgħa pubblika dwar riforma tant meħtieġa fil-Qorti tal-Familja.
Fl-intervent tegħu, il-Prim Ministru għamel referenza għall-Manifest Elettorali, fejn wegħda minnhom kienet dik li l-Qorti tal-Familja titjieb, bil-għan li l-familja li tagħmel parti mis-soċjetá tagħna ma tkompliex tbati.
B’referenza għar-rikonċiljazzjoni, il-Prim Ministru qal li bosta esperti juru li dan qed jaħdem. Żied jgħid, li minkejja dan kollu, hemm bżonn li jsir xogħol b’riformi sabiex fil-maġġorparti tal-każijiiet ma jkunx hemm bżonn jitilgħu quddiem il-Qrati Maltin.
Preżenti waqt din il-laqgħa kien hemm il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-tfal Micheal Falzon, li għamlu l-interventi tagħhom wara l-PM Robert Abela.
F’dan il-qasam m’għandek la rebbieħ u lanqas tellief
Dan qalu l-Ministru Jonathan Attard waqt l-intervient tiegħu, fejn spjega li dan kollu qed isir għal għan wieħed, sabiex f’pajjiżna jkollna Qorti u proċess ġudizzjarju li jindirizza l-problemi tan-nies b’mod iktar effiċjenti.
Il-Ministru Attard irrimarka li din ir-riforma hija bbażata fuq ir-realtá tal-ħajja u l-esperjenzi li ta’ spiss jgħaddu minnhom in-nies hemm barra fis-soċjetá.
Tenna li hemm numru ta’ aspetti li ħallew il-frott tagħhom però hemm bżonn ta’ iktar ħidma fuq dawk l-aspetti li qed joħolqu diffikultà biex jiġu indirizzati.
F’dinja ideali ma jkollniex bżonn Qorti tal-familja però din mhijiex ir-realtà.
Dan qalu l-Ministru Falzon fid-diskors tiegħu, fejn saħaq li wieħed ma jistax ma jirrmarkax li l-iktar ħaġa important f’dan kollu, huwa l-aspett soċjali u l-importanza li għandha dejjem tingħata lit-tfal.
Il-Ministru Falzon tenna li t-tfal huma l-aktar li jiġu affettwati f’dan ir-rigward. Temm jgħid li l-Gvern jemmen verament fil-valur tal-familja.