Monday, April 27, 2026

L-ILSIEN MALTI

Aqra wkoll

Jagħmel sens li f’daż-żminijiet tqum diskussjoni publika dwar l-ilsien Malti – il-preżent u l-futur tiegħu. Wieħed jieħu gost jara kif il-ħtieġa li l-Malti jingħata interess u sostenn qed tiġi preżentata b’mod intelliġenti u maħsub tajjeb. Mhux bid-dikarazzjonijiet patrijottiċi li kienu jsiru fl-imgħoddi, meta kien il-waqt li jsiru b’dak il-mod, daqskemm mill-perspettiva ta’ kif soċjetà żgħira tista’ sseddaq l-identità tagħha llum waqt li taċċetta l-importanza tal-lingwa Ingliża fil-ħajja “interna” u “esterna” tal-poplu tagħna.

Hu importanti ukoll kif qed tinżamm attenzjoni fuq il-ħtieġa li l-Malti miktub jibqa’ b’rabta mal-għeruq grammatikali li minnhom ħareġ ħalli jibqa’ koerenti miegħu nnifsu. L-argumenti li jmissna mmexxu r-regoli tal-kitba lejn kif l-aktar jistgħu jitħarbxu bil-ħeffa, mingħajr rigward għall-koerenza grammatikali huma populisti – riċetta biex l-identità nazzjonali titherra. Issa qed ngħid dan jien, li ta’ spiss kont mixli li f’dak li nikteb, niżbalja fir-regoli tal-ortografija nadifa. 

***

L-ISPIŻA TAL-GVERN

Tajjeb li jerġa’ jingħad. Il-mod kif qed jonqos id-deficit tal-gvern hu impressjonanti. Meta tkejlu bir-riga ssettjata miż-żona tal-ewro ftit jista’ jiġi kkritikat. L-argument tal-Kummissjoni Ewropea li fuq medda ta’ snin, ir-rankatura li biha dan qed jiġri setgħet kienet aħjar hu korrett. Bl-ebda mod ma jxejjen il-punt li dak li qed jitwettaq jissupera l-esiġenzi imposti miż-żona tal-ewro dwar tmexxija fiskali. 

Fejn hemm aktar x’jintqal hu dwar l-ispiża dejjem tiżdied tal-gvern. Qed tegħleb wisq lejn spiża rikorrenti, anqas u anqas fuq investiment reali. Hemm żewġ problemi f’dan. L-ispiża rikorrenti mhux lakemm twaqqafha: se tibqa’ tiżdied… imma ma tipproduċi xejn – tiekol biss minn ġewwa. U x’se jiġri jekk id-dħul għal raġuni jew oħra jaħbat jonqos?

***

ENERĠIJA “ĦADRA”

Il-gwerra tal-Iran… bl-inkwiet li qed tqajjem dwar kif nistgħu nispiċċaw bla fjuwil biżżejjed… x’aktarx li tat spinta ’l quddiem (mhux mistennija) lill-mezzi “ħodor” ta’ enerġija – dawk li jiddependu fuq sorsi li jiġġeddu awtomatimaent – ir-riħ, ix-xemx…

Ta’ spiss wisq l-użu ta’ dawn is-sorsi tqies bħala piż żejjed. Anki min kien favur tagħhom, kellu jistqarr li l-użu tagħhom qed isir indispensabbli minħabba l-bidla għall-agħar fl-ambjent u fil-klima – li mhux kulħadd emmen li teżisti. Kemm kien aktar faċli u rħis li ġġib iż-żjut li jissarrfu f’enerġija mill-pajjiżi fejn jinsabu midfuna fl-art u jistgħu jittellgħu bl-irħis?!!

Illum meta l-kummerċ fiż-żjut tal-enerġija safa marsus mill-imblokki fil-Golf tal-Hormuz, il-periklu hu mhux biss li l-prezz taż-żejt jogħla bla qies, imma li ż-żejt ma jibqax jasal. Waqt li s-sorsi ta’ enerġija “ħadra” jibqgħu f’kull pajjiż li jkollu r-riħ, ix-xemx u l-baħar iħabbat…

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport