Wednesday, July 22, 2026
Home Bloggers L-importanza tal-Wens

L-importanza tal-Wens

0
1

Tul is-snin, f’pajjiżna dejjem kien ħawn iniżjattivi biex tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jingħataw il-wens. Il-mezzi u l-modi kif dan jingħata inbidel maż-żmien iżda wieħed irid ifakkar il-bidu ta’ dan kollu b’impenn li seħħ fl-imgħoddi meta inbnew u tmexxew djar għat-tfal b’iniżjattivi variji mill-Knisja. 

Illum qed naraw impenn li qed jitmexxa bi sħubija bejn il-Gvern, il-Knisja u għaqdiet mhux governattivi li qed ikomplu dan l-impenn li jibni fuq it-tajjeb li qed jinkiseb. Anke jekk il-binijiet fejn hemm dawn id-djar huma binijiet li nbnew snin ilu, dawn id-djar qed jiġu msebbħa u mgħotija ambjent li jilqa’ u li huwa mill-aktar addattat biex it-tfal ikollhom l-aħjar ħarsien. 

Pajjiżna għandu jkun grat lejn kull min jaħdem f’dan il-qasam. Is-servizz li qed jingħata lit-tfal li jkunu f’qagħda vulernabbli u li jeħtieġu li jingħataw dar oħra fejn jgħixu. Il-wens li jingħataw dawn it-tfal mhux biss huwa ta’ fejda għat-tfal innifishom, imma wkoll favur soċjetà aħajr. Soċjetà li tieħu ħsieb lil kulħadd u li tara li kull tifel u tifla jkollha l-opportunità li titħejja bl-aħjar mod possibbli għall-ħajjitha irrispettivament minn dak li ssib ma wiċċha fi tfulitha. 

Kull fażi tat-tfulija u l-adoloxxenza għandhom bżonnijiet differenti. Is-sapport li kull tifel u tifla jkunu jeħtieġu jinbidel u għalhekk anke il-faċilitajiet li jkunu meħtieġa iridu jkunu addattati għal dawk il-ħtiġijiet. Għalhekk, il-faċilitajiet iridu jirriflettu dawn il-ħtiġijiet li jinbidlu. 

Adulti Żgħażagħ 

It-tfal jeħtieġu li jingħataw l-għożża u s-sostenn u dan huwa fattur importanti ferm. It-tagħlim mill-iskola, it-taħriġ b’life skills u dak kollu meħtieġ biex anke tfal li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet ta’ sfida ikollhom l-opportunità ta’ l-aħjar tfuilija possibli. Imma hemm mument li jeħtieġ attenzjoni u sapport speċjalment meta persuna tasal fl-età li tieħu l-istat tagħħa u tkun tista’ toħroġ tiffiċċja l-ħajja tagħħa. 

L-impenn li qed jingħata biex żgħażagħ li jgħalqu t-tmintax-il sena jingħataw spazju li jservi bħala tranżizzjoni bejn ir-residenza tat-tfal fejn ikunu għexu għal bidu tal-ħajja adulta tagħhom hija iniżjattiva mill-aktar pożittiva. Il-ħidma li qed issir mill-Fondazzjoni Wens bl-appoġġ tal-Gvern f’dan ir-rigward jistħoqqilha kull tifħir. 

Persuna li tkun għexet tfulita f’dar residenzjali għaliex kellha sfidi fit-tfulija m’għandhiex tispiċċa mingħajr ebda ħarsien ta’ xejn ħabta u sabta għaliex ikollħa l-età tagħħa. F’dan il-mument partikolari hemm vulnerabiltà kbira u hemm bżonn ta’ sapport biex tiżġura li persuna tkun tista’ tibni ħajjitha bl-aħjar mod possibbli. 

Soċjetà li tħares lil dawk l-aktar dgħajfa

Ta’ tmintax-il sena, persuna, anke f’ċirkostanzi meqjusa normali, tkun għadha qed issib saqajha fil-ħajja. Min ikun għadu jistudja u  min ikun forsi għadu kif sab xogħol. Imma żġur li persuna ta’ dik l-età, ma tistax issib ruħha mil-lum għal għada fid-diffikultà ta’ fejn se tkun qed tgħix u x’se jkun il-punt ta’ riferenza tagħħa jekk l-unika punt ta’ riferenza setgħet kienet ir-residenza fejn trabbiet fi tfulitħa. 

Soċjetà li verament kun qed tirnexxi mhix dik li tkun qed tagħmel is-suċċess ekonomiku f’sens monetarju biss. Hija s-soċjetà li tkun qed tara li l-opportunità tas-suċċess ikun qed jasal għand kulħadd u li tħares speċjalment lil dawk l-aktar dgħajfa fostha. 

L-għarfien ta’ dawn ir-realtajiet u l-impenn li jintwera mill-Gvern u mis-soċjetà ċivili biex jingħata dan il-ħarsien huwa xħieda tal-impenn tagħna bħala pajjiż biex nagħtu l-wens lil kulħadd. Hekk biss nuru b’mod ċar li verament nemmnu li f’pajjiżna ħadd m’għandu jitħalla waħdu jew jitħalla jaqa’ lura. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here