Thursday, April 18, 2024

L-IMPORTANZA TAN-NEWTRALITÀ U NONALLINEAMENT

Aqra wkoll

Il-kunflitt fl-Ukrajna qed ikompli juri dejjem aktar importanza tal-kunċett tan-newtralità. Illum diversi pajjiżi madwar id-dinja għażlu li jħaddmu l-kunċett tan-newtralità u nonallineament. Kien hemm argumenti, u dan anke f’pajjiżna, dwar kemm dan il-kunċett għadu jagħmel sens fid-dinja tal-lum. Kien hemm min saħanistra argumenta fil-qasam internazzjonali li n-newtralità u l-kunċett tan-nonallineament hu kunċett li żmienu għadda. Iż-żminijiet jinbidlu u wieħed jifhem li minn żmien għal żmien ikun hemm min jistaqsi dwar jekk xi ħaġa jew pożizzjoni partikolari tkunx għadha relevanti.

Dejjem sostnejna li n-newtralità ta’ pajjiżna kienet importanti għal pajjiżna u għall-prosperità tiegħu. Il-kunfitt li seħħ lejn l-aħħar ta’ Frar bl-invażjoni Russa fl-Ukrajna ħarġet aktar fil-beraħ kemm in-newtralit̀à tagħmel sens. Li tibqa’ newtralià f’kunflitt bejn żewġ qawwiet, fejn li tkun membru f’xi alleanza partikolari jista’ faċilment jurta u jitqies bħala theddida għall-pajjiżi ġirien tiegħek.

In-newtralità ta’ pajjiżna hi ċara. Dik li pajjiżna ma’ jkunx parti u jħux sehem fl-ebda alleanzi militari. In-newtralità ta’ pajjiżna titlob li ma jieħu sehem fl-ebda kunflitt. Riċentament irriżulta wkoll, u dan anke quddiem dan il-kunflitt, li tnejn minn kull tliet persuni f’Malta jemmnu li pajjiżna għandu jibqa’ newtrali.

F’dinja fejn f’diversi partijiet hemm il-kunfitt, fejn bla dubju qed nintlaqtu b’mod qawwi minn dak li qed jiġri fl-Ukrajna, pajjiżna jrid joqgħod attent li jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Hu f’dan il-qafas fejn toħroġ l-importanza tan-newtralità, liema newtralità tgħin biex il-pajjiż jieħdu ħsieb tiegħu nnifsu. Jara li ma jispiċċax f’xi kunflitt jew b’xi azzjoni teħżien ir-relazzjoni ma’ pajjiż ieħor. In-newtralità tgħinna ma nispiċċawx nintużaw minn ħaddieħor, jew li faċilitajiet tagħna jintużaw minn xi forzi barranin jew forzi li jkunu f’kunflitt bejniethom.

B’newtralità m’aħniex nifhmu li ma nitkellmux fuq popli li jkunu qegħdin ibatu minn xi kunflitt. B’newtralità ma jfissirx li ddawwar wiċċek għat-tbatijiet ta’ ħaddieħor. Ma jfissirx li ma tipprovax tisma’ l-karba ta’ min ikun qed jesperjenza aggressjoni.

B’newtralità minn alleanzi militari ma jfissirx li ssir passiv u indifferenti quddiem it-tbatija. Fi gwerra jbati kulħadd, l-aktar iċ-ċittadini. Is-solidarjetà m’għandhiex tintrema fil-landa taż-żibel bl-iskuża li aħna newtrali.

Ingħataw kenn u għajnuna b’mod umanitarju lill-Ukrajna, għajnuna għaċ-ċittadini li għadhom hemm. Pajjiżna laqa’ fi ħdanu wkoll għadd ta’ refuġjati li ġew fostna mill-Ukrajna u qed jgħinhom mill-aħjar li jista’.

Il-kunflitt fl-Ukrajna qed joħloq tbatijiet kbar. Qed iħalli ħafna vittmi innoċenti. Kisser familji sħaħ. Qed joħloq ġrieħi li se jdumu ma’ jagħlqu. Nittamaw li s-sens komun jirrenja u tirrenja l-paċi f’dan ir-reġjun. B’deċiżjonijiet li se jkomplu jingħataw l-armi, ħafna jidħlulhom dubji dwar kemm din il-gwerra se tispiċċa fi żmien qasir. Is-soluzzjonijiet jinstabu fuq il-medja tan-negozjati u mhux fl-armi u l-bombi.

Ekonomija

Sport