Tuesday, April 30, 2024

Il-Pulizija Messikana ssib 45 borża ta’ fdalijiet umani

Aqra wkoll

L-awtoritajiet Messikani sabu 45 borża li kien fihom fdalijiet umani f’wied dejjaq barra l-belt ta’ Guadalajara.

L-uffiċjali kienu qed ifittxu seba’ ħaddiema żgħażagħ, li kienu rrappurtati nieqsa, meta sabu l-katavri.

Il-fdalijiet li nstabu kienu ta’ rġiel u anke ta’ nisa, filwaqt li n-numru ta’ iġsma għadu mhux magħruf.

Fi stqarrija mill-uffiċċju tal-prosekutur tal-istat tal-Punent, intqal li wara tip-off dwar it-tfittxija għas-seba’ perusni, huma kienu bdew bit-tfittxijiet tagħhom fejn sabu diversi basktijiet li kienu jinkludu partijiet tal-ġisem.

Il-pumpiera u d-difiża ċivili kienu qed jaħdmu mal-pulizija u mal-ekwipaġġ ta’ ħelikopter li ntbagħtu fuq il-post biex jirkupraw il-fdalijiet.

L-ewwel borża nstabet nhar it-Tlieta iżda minħabba l-art kif kienet u n-nuqqas ta’ dawl tax-xemx, l-investigazzjoni kellha tissokta anke l-Erbgħa sakemm jinstabu l-fdalijiet kollha.

Uffiċjali qalu li se jkomplu jaħdmu sabiex jiddeterinaw in-numru ta’ katavri, min kienu, u l-kawżi tal-mewt tagħhom.

Għalkemm għadu ma ġiex stabbilit kif il-katavri spiċċaw fil-post, reati li mbagħad iwasslu għall-għajbien ta’ persuni huma relattivament komuni fil-Messiku.

Skont figuri ppubblikati mill-Gvern, aktar minn 100,000 persuna huma rrapportati nieqsa, b’ħafna minnhom intqal li huma vittmi tal-kriminalità organizzata.

Sport