Friday, April 19, 2024

L-INĊIDENTI FIT-TOROQ… KIF SE NBIDDLU L-ATTITUDNI?

Aqra wkoll

Fit-toroq tagħna, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, seħħ inċident fatali ieħor. Tfajla fil-fjur ta’ żogħżitha tilfet ħajjitha traġikament wara li s-sewwieq tal-karozza li kienet fiha tilef il-kontroll u baqa’ dieħel f’ħajt u arblu. Din il-mewta, bla dubju qanqlet bosta reazzjonijiet dwar is-sigurtà fit-toroq u anke diqa kbira fost il-komunità inġenerali. Qabelxejn minħabba l-età tenera tagħha, li kien għad kellha biss 17-il sena u li kellha quddiemha futur, u anke minħabba li spiss qed nisimgħu b’aħbarijiet traġiċi bħal dawn.

Il-mistoqsija llum hi x’qed jsir, u jekk qed isir ħażin għandu jiġi rimedjat minnufih biex ma nitilfux aktar ħajjiet partikolarment ta’ żgħażagħ fil-fjur ta’ ħajjithom. Iż-żieda fil-multi li riċentament iddaħħlu huma biżżejjed? Jew hemm bżonn ta’ aktar infurzar b’saħħtu? Wasal iż-żmien li nirrevedu t-testijiet fl-għoti tal-liċenzji tas-sewqan?

Nifhmu li sar kemm sar, u x’għad jonqos isir, mhu se jkun biżżejjed qatt. Ma rridux nilludu ruħna li se naslu f’punt fejn l-inċidenti tat-traffiku se jispiċċaw darba għal dejjem. Sakemm jibqa’ l-karozzi fit-toroq l-inċidenti se jibqgħu jsiru. Għalhekk irridu naraw jekk ir-regolamenti għandhomx bżonn jiġu riveduti biex jitwessgħu aktar milli diġà twessgħu.

Waħda mid-deterrent għall-inċidenti tat-traffiku huma l-ispeed cameras. Imma dawn kemm qed iħallu riżultati? Filwaqt li nemmnu li dawn huma bżonjużi biex dak li jkun isuq bi prudenza, imma xi kultant jiġri li l-veloċità titnaqqas qrib il-camera imma mbagħad tiżdied eżattament wara, meta l-camera ma tkunx tista’ tilħaq iktar lis-sewwieqa li jkunu għaddejjin b’veloċità eċċessiva.

M’aħniex qed nirreferu għall-ebda każ partikolari. Imma biex tassew ikun hemm deterrent nemmnu li kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu, biex fl-aħħar naslu għall-bidla fil-mentalità. Ma jistax ikun li nibqgħu nitilfu aktar ħajjiet f’inċidenti traġiċi tat-traffiku.

Hawnhekk infaħħru l-pjan li tħabbar ftit ilu għas-sigurtà fit-toroq li jinkludi aktar infurzar u pieni eħrex. Naqblu li għandhom isiru testijiet riġidi għal għarrieda fuq sewwieqa li jkunu suspettati li qed isuqu taħt l-influwenza ta’ sustanzi. Naqblu wkoll ma’ aktar infurzar u pieni eħrex għaliex mingħajr dawn ir-regolamenti jibqgħu biss fuq il-karta u bla effett.

Fil-kuntest ta’ dan kollu, nifhmu li huwa essenzjali li jsiru kampanji ta’ tagħlim u informazzjoni matul is-sena kollha u anke minn età bikrija. Nemmnu li kulħadd għandu jżomm f’rasu li l-ħajja hi sabiħa u m’hemm ebda prezz li jista’ jitħallas meta din tintilef. Dan jgħodd għas-sewwieqa u anke għall-passiġġieri li jkunu kemm rekbin u anke mexjin fit-toroq.

Sport