Thursday, May 9, 2024

L-INDAFA PUBBLIKA F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

L-indafa pubblika tibqa’ waħda mill-akbar sfidi li jaffaċċja pajjiżna. L-istess ukoll għall-manutenzjoni. Dan għaliex sfortunatament pajjiżna għadna niffaċċjaw diversi każi ta’ vandaliżmu. Biex pajjiżna jinżamm nadif, ix-xogħol jitwettaq minn diversi entitajiet governattivi fosthom id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, ħidma li ma tieqaf qatt.

Il-ħidma ta’ dawn l-entitajiet qed tħalli frott. Tant li s-sena l-oħra d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabret madwar 21,340 tunnellati ta’ skart. Minn Ottubru 2023 sa issa, minn meta bdiet il-kampanja nazzjonali għat-tindif u l-manutenzjoni saru interventi f’21 lokalita fejn tneħħew aktar minn 65 tunnellata ta’ skart. 

Dan seta’ jsir bill ħaddiema ta’ din id-Diviżjoni qed iduru kull triq u jsiru intreventi ta’ knis, qtugħ ta’ ħaxix u tindif ieħor li jiltaqgħu waqt il-ħidma tagħhom. Wieħed għandu japprezza l-fatt li t-tindif tat-toroq qed jingħata prijorità u qed isir investiment estensiv fih. Tant li fil-ġimgħat li għaddew wasal f’pajjiżna makkinarju ġdid, li jaħdem bl-elettriku u jikkonsisti anke f’robots. 

Dan bl-iskop li jkun hemm tindif regolari fit-toroq tagħna u anke jservi ta’ għajnuna għall-ħaddiema responsabbli mit-tindif. Wieħed jinnota li matul ix-xahar ta’ Jannar, dawn il-magni kinsu madwar 2,000 kilometri ta’ toroq li fihom inġabru mat-30 tunnellata ta’ skart mit-toroq. 

Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni minn dan kollu tidher li se tkompli timpenja ruħha biex tassisti lill-komunità sabiex jitjieb is-servizz. Fil-fatt minn dan il-makkinarju ġdid qed jiġu megħjuna 24 lokalità.

Bħalma ngħidu dejjem kull kampanja fiha l-benefiċċju tagħha. Għaliex permezz ta’ dawn il-kampanji jingħata aktar għarfien tal-bżonnijiet li jeħtieġ jiġu indirizzati. F’dan il-kuntest, f’dawn il-ġranet qed jiġu evalwati tenders pubbliċi oħra sabiex ix-xogħlijiet ta’ tindif isiru bl-akbar effiċjenza u bl-aqwa makkinarju li hawn fis-suq bħalissa. Wieħed għandu jfaħħar ukoll l-isforzi li qed isiru biex il-poplu jkun edukat b’tali mod li jitnaqqsu l-abbużi. 

Il-kampanja nazzjonali għat-tindif u l-manutenzjoni qed issir b’ħidma ma’ sitt entitajiet differenti wara li l-ħaddiema ngħataw taħriġ estensiv minn persuni tekniċi. Ta’ min ifaħħar l-isforzi li qed isiru mill-entitajiet rispettivi sabiex il-pjan ta’ ħidma stabbilit, li jirrigwardja t-tindif, jitwettaq għall-ġid tal-komunitajiet kollha ta’ pajjiżna. 

Sport